Sunday, 24 January 2016

L-aħħar att ta’ Obama

Ġimgħa u nofs ilu, fit-12 tax-xahar, il-President tal-Istati Magħquda tal-Amerika, Barak Obama, ta diskors lill-Kungress Amerikan imsejjaħ il-‘Qagħda tan-Nazzjon’. Kien it-tmien wieħed tieħu ... iżda wkoll l-aħħar. Għaddew bħal ħolma s-snin tiegħu f’ras il-gvern ta’ dak il-pajjiż kbir u sabiħ, iżda wkoll is-snin li għaddew minn mindu, fl-2004, beda t-triq tal-għaġeb tiegħu fix-xena ewlenija tad-dinja politika.

Bidu tat-tmiem

Dan ta’ ftit jiem ilu kien l-aħħar att uffiċjali tiegħu quddiem il-Kungress tal-Istati Magħquda, rappreżentanti tal-poplu Amerikan. Bil-mod il-mod, is-separju ta’ Obama se jibda nieżel, sakemm f’Novembru li ġej jiġi magħżul is-suċċessur tiegħu, imbagħad bħal daż-żmien sena jidħol fid-Dar il-Bajda ta’ Washington DC il-President il-ġdid.

Obama jkun għadda. Iżda mhux dak li rrappreżenta u dak li jibqa’ jirrappreżenta għal dejjem. Mhux biss għax kien l-ewwel President ta’ ġilda sewda li kellha l-Amerika, iżda aktar u aktar għall-personalità dinamika tiegħu u għall-mument storiku li ppersonifika. Dak il-mument, wara ħafna snin tkeskis u tinbiħ minn wieħed mill-aktar pajjiżi kbar, għonja u b’saħħtihom tad-dinja f’kull żmien, kien wieħed li radd lura dinjità lil dak il-pajjiż u fetaħ mogħdijiet ġodda ta’ kooperazzjoni u djalogu fid-dinja.

Obama spiss qabluh mal-President Lincoln u mal-President Kennedy. Jista’ jkun kellhom raġun. Għax qabluh magħhom għax fit-tlieta li huma raw it-twettiq rari ta’ ħolm moħbi għal dinja isbaħ u aħjar; dinja aktar ġusta u ħanina. Ovvjament, dan kollu kien ħolm li qajla twettaq f’dawn in-nies u bihom bħalma jħobbu jimmaġinaw ir-romantiċi. Iżda xi ħaġa f’dawn in-nies tat tama ġdida, bidu ġdid, għal dak li l-bniedem ma jaqta’ qatt qalbu minnu.

Ħolma li ma tmutx

Barak Obama rrappreżenta ħolma mill-isbaħ. Mhux biss tal-iskjavi Afro-Amerikani wara sekli ta’ umiljazzjonijiet l-aktar koroh u ta’ traġedji l-aktar mistkerrħa. Mhux biss ta’ dawk li għal għexieren ta’ snin ħarsu fil-bogħod biex jaraw jilmħux f’ogħla ras tan-nazzjon iben ġej mill-qiegħnett tas-soċjetà. Iżda wkoll dawk kollha, fid-dinja kif iddur, li dejjem emmnu li l-Amerika tista’ tkun aħjar minn art ġellieda u isbaħ minn eżempju ta’ prepotenza.

Ukoll jekk mhux dejjem kien jistħoqqlu, Obama irrappreżenta din il-ħolma ... u aktar. Filwaqt li dejjem żamm il-ġieħ tal-istatura tal-uffiċċju għoli tiegħu, resaq lejn in-nies u baqa’ xi ftit jew wisq iġegħilhom iħossuh wieħed minnhom. Din hi kwalità rari f’mexxej, speċjalment ta’ wieħed daqshekk relevanti. Sa ċertu punt, miljuni ta’ nies madwar id-dinja baqgħu jħossu li Obama ma kienx qiegħed isaltan waħdu. Miegħu kien hemm huma wkoll.

Naturalment, l-istorja personali ta’ Obama nnifsu, l-istorja tal-ġens Afro-Amerikan, l-esperjenza tal-Amerika taħt il-kburija tal-konservattivi fis-snin ta’ qabel, kollha taw is-sehem tagħhom biex jinbena dan il-mit. U forsi ħaġa waħda tista’ tkun ċerta: li dan il-mit mhuwiex se jintemm mal-presidenza ta’ Obama fi żmien sena. Bħal ta’ Lincoln u Kennedy, se jibqa’ jiġi mitmugħ u mżejjen biex jieħu dejjem aktar xejriet fantastiċi u irreali.

Vojt warajh

Din il-viżjoni fantastika u irreali hija ħlieqa daqskemm meħtieġa. Meħtieġa biex il-bniedem, ebda bniedem ma jiqafx joħlom; meħtieġa biex il-bniedem jibqa’ jittama; meħtieġa biex il-bniedem jibqa’ jemmen fih innifsu u fil-ġejjieni tiegħu.

F’din l-aħħar sena tal-ġrajja meraviljuża u improbabbli ta’ dan il-bniedem Barak Obama se jingħex, m’għandix dubju, b’sens ta’ telfien għax xi ħaġa rari u sabiħa li qajla jista’ jerġa’ jkun hawn bħala wisq malajr jew fil-qrib. Bħalma xi wħud diġà fissru, dan il-bniedem, bil-ħolm li rnexxielu jqajjem, se jħalli vojt li ftit jistgħu jimlewh.


No comments:

Post a Comment