Neo-Laburiżmu

Aktarx qabeż in-nofs tiegħu l-mandat li dan il-gvern ġie afdat bih f’Marzu tal-2013. Aktarx ukoll li s’issa huwa xi ftit jew wisq ċar l-estimu li jista’ jsir ta’ din l-amministrazzjoni u l-ħarsa li qiegħed jagħtih l-elettorat. Kollox ma’ kollox—biex ngħiduha millewwel—dan l-estimu mhuwiex ħażin. Lanqas ma tidher ħażina l-ħarsa. Għaldaqstant, il-bilanċ finali jidher pożittiv.

Moviment Laburista

L-idea ta’ moviment, flok partit, Laburista ma tidhirx li kienet waħda ħażina. Għallanqas tidher li, fil-biċċa l-kbira tal-ħsieb tagħha, ħadmet. Wara sentejn u nofs ma ħolqitx terrimoti kbar iżżejjed. Xi ftit tas-sulluzzu wieħed stennieh; u dan seħħ. Iżda mhux f’effetti qerrieda għall-idea b’mod kumplessiv.

Tassew, xi Laburisti tal-iskola ‘klassika’ (jekk trid issejħilhom hekk) mhumiex kuntenti għal kollox b’xi oqsma tal-ħidma governattiva. Iżda ma jidhirx li dan il-ġudizzju hu universali, jiġifieri ma jidhirx li jkopri kull qasam ta’ din il-ħidma. L-aktar qasam li jweġġa’ jidher li hu dak tal-affarijiet barranin. Oqsma oħrajn, għalkemm isir xi tgergir dwarhom, jidhru li qed jingħataw il-benefiċċju tad-dubju. Wara kollox, il-gvern fadallu millanqas sentejn u nofs oħra x’jaqdef.

Id-‘de-Mintoffizzazzjoni’ tal-Laburiżmu Malti (li kien beda Alfred Sant) baqa’ għaddej u aktarx ġie intensifikat. Bid-differenza li Mintoff ingħata aktar qima simbolika (li fl-aħħar mill-aħħar ma tissarraf f’xejn konkret). Iżda għallanqas dan neħħa min-nofs l-ixkiel psikoloġiku li kellu kemm il-partit u kemm in-nazzjon. Għalkemm ġustament doluż għal xi wħud, dan l-isforz jidher li ħalla effetti aktar pożittivi milli negattivi.

Ixxejnu l-miti

Ma’ dan, f’dawn l-aħħar sentejn u nofs dan il-gvern Laburista rnexxielu jxejjen għal kollox xkilijiet oħra li kienu fil-qalba tad-disfatti elettorali ta’ qabel. Irnexxielu jxejjen l-għajdut li l-Partit Laburista ma jinbidel qatt (b’referenza għal diversi oqsma politiċi). Irnexxielu jxejjen il-mit li Gvern Laburista jkun ħabib tal-vjolenza. Irnexxielu jxejjen il-qlajja li Gvern Laburista jaħqar il-kapitalist. Irnexxielu jxejjen il-ħrafa li Gvern Laburista jkun għadu tal-Ewropa (jew tal-Punent).

Ara ma jmurx jaħseb xi ħadd li kien faċli li dawn l-ixkilijiet jitbattlu mill-kontenut mitiku tagħhom u jitwarrbu min-nofs. La kien faċli u lanqas ma kien nieqes mill-għaqal. Trid ħila politika konsiderevoli—u jalla tkun rikonoxxuta—biex tagħmel dan. Il-fatt hu li dan sar u għadu qiegħed ikompli.

Ma’ dan kollu, id-diċerija ġenerali dannuża u soffokanti li Gvern Laburista jkun wieħed li joħloq ħafna tensjoni fil-pajjiż m’għadhiex teżisti. F’dawn l-aħħar sentejn u nofs, il-gvern preżenti ta’ prova ċara u serraħ ras kulħadd li l-Laburiżmu Malti hu forza pożittiva ta’ bidla u tiġdid mingħajr anzjetà u konflitt bla ħtieġa.

Maniġeriżmu kkalkulat

Fuq kollox, f’dawn is-sentejn u nofs li għaddew inħoloq tip ta’ Neo-Laburiżmu li forsi bħalu qatt ma kien hawn f’pajjiżna mill-gvern ta’ Boffa lil hawn. Huwa tip ta’ maniġeriżmu kkalkulat metikolożament b’għajn fissa fuq l-effetti politiċi, soċjali u, fuq kollox, ekonomiċi konkreti. Jekk dan mhuwiex qiegħed jagħti riżultati mija fil-mija pożittivi f’kull qasam, aktarx li b’mod ġenerali qed tabilħaqq jasal b’suċċess fejn jixtieq.

In-Neo-Laburiżmu li għandna ma jistax jogħġob lil kulħadd fil-qasam Laburista. Wara kollox, il-maniġeriżmu hu hekk differenti mill-politika tal-gvernijiet Laburisti ta’ qabel, partikularment dawk tal-Perit Mintoff. Iżda jista’ jkun li huwa l-aħjar għamla li biha tista’ ssir il-politika llum. Jekk mhux l-aħjar, għallanqas l-aktar prattika.

Dan għad tiġġudikah biss l-istorja.

Comments

  1. Analazi studjata u effettiva.Nisperaw li l-moviment Laburista jibqa' miexi l quddiem minghajr battibekki stupidi u negattivi fih stess. Hemm bzonn wkoll li nibqghu inkunu creattivi u innovativi, halli xi darba naslu fejn nixtiequ

    ReplyDelete
  2. Kollox tajjeb. Hlief l embryo freezing.

    ReplyDelete
  3. Kollox tajjeb. Hlief l embryo freezing.

    ReplyDelete

Post a Comment

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?