Is-soluzzjoni tal-vjolenza

X’tagħmel ma’ bniedem li jisfidak? Kif iġġib ruħek ma’ persuna li tuża’ s-setgħa tagħha fuqek biex tgħaddi tagħha? Kif twieġeb lil min jumiljak? X’tagħmel quddiem bniedem li jrid ibaxxik?
Dawn huma ċirkustanzi reali li jista’ jkun ġejna xi ftit jew wisq wiċċ imb’wiċċ magħhom. Huma waqtiet li jheżżu l-fehmiet u t-twemmin tagħna dwar x’inqisu bħala tajjeb u xieraq quddiem il-vjolenza. Iqegħulna quddiemna mistoqsijiet qawwija: Kif inwieġbu għall-vjolenza? Kif għandna nġibu ruħna quddiemha? X’inhi s-soluzzjoni tal-vjolenza?

Essenzjalment, il-vjolenza hija l-użu tal-forza fuq ħaddieħor jew fuq xi ħaġa. L-iskop ewlieni u aħħari tagħha huwa li ġġiegħel lil xi ħadd jew xi ħaġa jagħmel jew tagħmel dak li trid int u mhux dak li jrid hu jew hi. Ovvjament, il-vjolenza tiddispensa minn kull kunsens. Fuq kollox, tiddispensa mir-raġuni. Il-vjolenza tista’ tkun ta’ bosta għamliet (żgur mhux biss fiżika).

Xi wħud jemmnu li l-użu tal-vjolenza hu xi kultant ġustifikat, imqar f’sitwazzjonijiet rari u eċċezzjonali. Oħrajn, għalkemm dan ma jemmnuhx, isibu li l-vjolenza tista’ tiġi magħfusa fuqhom bħala l-aħħar alternattiva disperanti. Kontra dawn, bosta jżommu li l-vjolenza ma hi qatt u taħt l-ebda ċirkustanza ġustibikabbli.

Jekk inqisu bħala raġunat il-prinċipju miżmum minn Platun li l-vjolenza tagħmel ħsara l-ewwel u qabel kollox, kif ukoll l-aktar, lil min jużaha (u mhux lil min jirċeviha), allura nistgħu faċilment nintebħu min, minn fost dawn li semmejna, għandu l-aktar raġun. Irridu nkunu boloh biex nixtiequ jew nagħmlu ħsara volontarja lilna nfusna. Ukoll jekk iebsa, f’ċirkustanzi ordinarji l-għażla tagħna tista’ ma tkunx diffiċli wisq. Iżda x’jibqa’ minnha f’oħrajn eċċezzjonali.

Jien dejjem insibni naħseb fuq dan l-eżempju estrem: nagħtu każ li kont ta’ età imfarfra jew adulta f’nofs is-snin erbgħin tas-seklu l-ieħor, u n-Nażi invadew lil Malta u bdew joqtlu addoċċ lil kulmin ifettlilhom, ... jien x’kont nagħmel? Kif kont inġib ruħi? X’pożizzjoni kont nieħu? Naqbel magħhom, le. Nikkoopera magħhom, anqas. Kont insibha ġo fija li nissieħeb mar-reżistenza (vjolenti)? Jew kont noqgħod bi kwieti, nipprova nibqa’ ħaj u nsostni xi ideal nonvjolenti?

Lil Gandhi spiss kienu jistaqsuh kinetx taħdem il-filosofija tiegħu tan-nonvjolenza kontra l-aggressjoni ta’ Hitler. Sostanzjalment, it-tweġiba ta’ Gandhi dejjem kienet tkun f’żewġ partijiet. Waħda, li n-nonkooperazzjoni nonvjolenti hija għamla ta’ azzjoni fuq tul ta’ żmien u mhux xi arma li toħroġha biex tegħleb il-vjolenza ta’ ħaddieħor. Tnejn, li n-nonkooperazzjoni nonvjolenti ma tfissirx li ma timplikax sagrifiċċji kbar (possibbilment anki l-mewt) għal min jipprattikaha.

Qiegħed ngħid dan għaliex spiss nisimgħu lil min iqiegħed f’miżien lil Hitler u lil Gandhi bħala rappreżentanti ta’ żewġ poli opposti. Min jagħmel hekk narah ikun qiegħed jibbanalizza l-vjolenza ta’ Hitler daqskemm in-nonvjolenza ta’ Gandhi, jew ukoll ir-raġunijiet għala seħħew l-ewwel u t-tieni gwerer dinjija (bħalma wkoll kull gwerra oħra).

Iżda biex nerġa’ niġi għall-eżempju ta’ Malta okkupata min-Nażi, naħseb li fiċċirkustanzi dmiri kien ikun li nfixkel lin-Nażi kemm jista’ jkun mingħajr ma noqtol lil ħadd. Naħseb li, fl-istess ħin, kont b’kull mezz possibbli nagħmel il-qalb lill-vittmi u nipprova nikkonvinċi lin-Nażi jieqfu mill-vjolenza.

Iżda li noqtol lil min irid joqtolni naraha bħala kontradizzjoni daqskemm li (f’ċirkustanzi anqas gravi) nuża l-vjolenza biex imwaqqaf il-vjolenza. Kif nista’ ma nkunx kontradittorju jekk ningħata għal dak li fl-istess nifs qiegħed nikkundanna? ... Dan minkejja d-dgħufija tal-bniedem vjolenti li jien minħabba t-trobbija tiegħi f’soċjetà vjolenti u d-dispożizzjoni Mediterranja (kemxejn irraxxibbli) tan-natural tiegħi.

Apparti l-ġlied immedjat kontra l-vjolenza, jidhirli li hu bil-wisq aktar meħtieġ u raġunat li nagħtu aktar siwi—ħafna aktar—lit-trobbija tal-kultura tal-paċi (xi ftit jew wisq kif kien iżomm Gandhi). Kundizzjonijiet ta’ vjolenza llum jew għada jġibu l-vjolenza; kundizzjonijiet ta’ paċi jġibu l-paċi. Kif diġà ssuġġerejt, kemm f’pajjiżna nħejju għal kultura bħal din hu dubjuż ħafna. Aħna aktarx nittrabbew midħla ta’ ħafna suriet ta’ vjolenza li jidħlu f’demmna. Il-vjolenzi fiżiċi, sesswali, emozzjonali, psikoloġiċi, spiritwali, kulturali, verbali u oħrajn, huma hekk parti mit-trobbija normali tagħna li titkexkex jekk taħseb fuq it-taħlita li jagħmlu flimkien.

Għaldaqstant, jista’ jkun li wieħed jifhem għala l-ewwel li jiġi f’moħħna quddiem il-vjolenza jew it-theddida tagħha huwa li nwieġbu bil-vjolenza. Jew ukoll li nqisu xi għamla ta’ vjolenza bħala soluzzjoni għall-vjolenza. X’tista’ tistenna minn nies vjolenti mrobbijin fil-vjolenza u disposti għall-vjolenza?

Iżda jekk nemmnu li qatt ma hu raġunat, sensat jew prattiku li nużaw il-forza fuq ħaddieħor jew li nġiegħlu lil xi ħadd jagħmel jew tagħmel bilfors dak li rridu aħna—l-istess bħalma ma rridux li ħaddieħor jagħmel hekk magħna—allura rridu nerġgħu naħsbuha qabel ma nagħżlu l-vjolenza bħala xi soluzzjoni għall-vjolenza.


Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?