L-għażż demokratiku

Il-valuri ta’ komunità demokratika ma jiġux mgħallma imma mgħajxa. Ftit li xejn f’Malta u Għawdex hawn ċittadini li tabilħaqq għexu f’demokrazija. Jekk xi ħadd għadu jaħseb li bħalissa qegħdin ngħixu f’soċjetà demokratika huwa jew diżilluż jew ma jafx x’inhi demokrazija. Aktarx, fil-fatt, għandu mit-tnejn. Din li ngħixu fiha mhijiex soċjetà demokratika. Għax, għalkemm fuq il-karta tidher hekk, fil-prattika ftit li xejn hija dak li tgħid li hi.

Evidentement, hija soċjetà li tfaħħar ħafna d-demokrazija. Imma mbagħad, fl-istess waqt, hija soċjetà li temmen f’ħafna għamliet ta’ vjolenza, kemm fit-teorija u kemm fil-prattika, kemm b’mod espliċitu u kemm impliċitament. Hija soċjetà li tagħti setgħat bla qies (u bosta drabi immunabbli) lill-gvern. Hija soċjetà li tistrieħ fuq il-qawwa tal-pulizija u s-servizzi sigrieti tagħha. Hija soċjetà fejn iċ-ċittadin m’għandux setgħa effettiva, imma biss deputata u rappreżentattiva. Hija soċjetà li fiha ċ-ċittadin jinsab f’taqtiegħa għall-flus u għajxien deċenti. Hija soċjetà mibnija fuq it-taxxi tal-poplu. Hija soċjetà fejn iċ-ċittadin m’għandu ebda influwenza fuq l-edukazzjoni li jagħti lil uliedu. Hija soċjetà kkontrollata mis-suq u l-banek.

Din mhijiex demokrazija. Hija oligarkija, plutokrazija, aristokrazija, korporatokrazija, futarkija, kleptokrazija, ... sejħilha li trid. Iżda mhux demokrazija. Inkunu biss qegħdin nidħqu bina nfusna meta nsejħulha hekk.

Demokrazija hija fejn is-setgħa, mill-bidu sal-aħħar, tinsab f’idejn iċ-ċittadin. Fejn iċ-ċittadin hu suprem. Demokrazija hija fejn huwa ċ-ċittadin li jieħu d-deċiżjonijiet kollha fuq kull aspett ta’ ħajtu; fejn iċ-ċittadini huma, fil-prinċipju u fil-prattika tas-setgħat politiċi, ugwali għal xulxin; fejn il-ġid komuni jinqasam fuq kulħadd skont il-ħtiġijiet ta’ kull wieħed u waħda miċ-ċittadini; fejn il-privileġġi, il-monopolji u l-immunitajiet ma jeżistux; fejn l-indħil tal-gvern huwa mill-anqas; fejn iċ-ċittadin hu sid tal-mezzi tal-produzzjoni; fejn huwa ċ-ċittadin stess li jiddefinixxi lilu nnfisu; fejn l-għajxien u l-kundizzjonijiet tal-għajxien jeżistu għaċ-ċittadini fuq bażi kooperattiva, mutwalista u konsenswali; fejn ir-regoli tas-suq huma maħluqa, miżmuma u maħduma miċ-ċittadini interessati stess bi dritt ugwali ta’ parteċipazzjoni u influss.

Evidentement, din mhijiex is-soċjetà li ngħixu fiha aħna llum. Fejn id-demokrazija tiġi definita bil-vot ta’ darba kull ħames snin; bis-separazzjoni parzjali tas-setgħat leġislattivi, eżekuttivi u ġudizzjarji; u bit-taparsi libertà tal-istampa. Hija demokrazija finta dik fejn iċ-ċittadin huwa għall-ħniena tal-istituzzjonijiet; fejn iċ-ċittadin m’għandux leħen fl-għażla ta’ ebda kap ta’ dipartiment tal-gvern; fejn iċ-ċittadin m’għandux aċċess liberu għall-informazzjoni; fejn iċ-ċittadin hu meqjus f’kollox bħala sudditu.

Ilkoll kemm aħna nistħajlu li nistgħu nitkellmu dwar demokrazija (bil-preżunzjoni li nifhmu x’inhi). Iżda fil-fatt ħadd minna ma qatt għex f’demokrazija. Għex f’soċjetà li tissejjaħ ‘demokratika’; dan iva. Imma din l-hekk imsejħa soċjetà mhijiex demokratika għajr fl-isem biss. Għaldaqstant, mhuwiex esaġerat li ngħid li ħadd minna ma jaf x’inhi demokrazija, għax, kif għedt fil-bidu, il-valuri ta’ komunità demokratika ma jiġux mgħallma imma mgħajxa. Huwa hekk biss li wieħed isir jaf x’inhi demokrazija, kif isir il-bini gradwali tagħha u kif titħaddem fil-prattika; jiġifieri meta jgħixha personalment. Nażżarda ngħid li din l-esperjenza m’għandu ħadd minna, għall-anqas jekk qatt m’għex f’soċjetà bħal din xi mkien barra minn Malta. Fostna ma teżisti mkien u ħadd ma jaf xi ssarraf.

Ħafna jitkellmu dwar kif is-soċjetà ‘demokratika’ tagħna tista’ titjieb. Jgħidu li jeħtieġ din u jeħtieġ l-oħra. Jgħidu li dik trid tinbidel u din trid titneħħa. Dawn in-nies ma joffru ebda alternattiva għall-falzità tas-soċjetà taparsi demokratika tagħna. Jgħumu biss fl-istess ilma mdardar tagħha. Huma għomja daqsha.

L-alternattiva mhijiex li nibdlu s-soċjetà li għandna, iżda li nwarrbuha għal kollox. Mhijiex li ntejbuha jew li ngħarrquha, iżda li niċħduha minn ħajjitna u ngħixu mingħajrha f’komunitajiet tabilħaqq demokratiċi. Din id-duwa ma jidher li jrid jipprovaha ħadd għax fil-fatt, fil-qiegħ, ħadd ma jrid ifiq. Ingergru iżda kuntenti kif aħna. Jew m’għandniex immaġinazzjoni biżżejjed. Jew, agħar minn hekk, ilkoll kemm aħna għażżenin. Hija s-soċjetà taparsi demokratika tagħna stess li għallmitna l-għażż. Mhux għall-ġid tagħna, iżda għall-ġid tagħha. Mhux għax tħobbna, iżda għax tħobb lilha nnifisha. Huwa għażż demokratiku li jiċħad id-demokrazija. Huwa għażż li jibqa’ jikkonfermana fil-falzità tagħna. Huwa għażż li jagħmilna kompliċi ta’ soċjetà ingannata.


Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?