Sunday, 13 March 2016

‘Qed ninftiehem?’

Jista’ jkun li l-mistoqsija ‘Qed ninftiehem?’ mhijiex komuni ħafna. Il-biċċa l-kbira jidhirli li ma jużawhiex. Għallanqas jien bil-kemm qatt nismagħha tingħad. Minflok nisma’ mistoqsijiet oħra li, naħseb jien, m’għandhomx isiru, mistoqsijiet bħal ‘Qed tifhimni?’ jew ‘Fhimt?’ Jew ‘Qed tifhem?’ Tagħmel tajjeb persuna li, waqt li tkun qed titħaddet ma’ xi ħadd, minflok dawn il-mistoqsijiet, tagħmel il-mistoqsija li qiegħed nipproponi.

Rispett lejn l-intelliġenza

Waqt li jkunu qegħdin jitkellmu miegħek, ħafna nies għandhom id-drawwa li jistaqsuk: ‘Fhimt?’, ‘Qed tifhem?’ jew ‘Qed tifhimni?’ Xi wħud huma dilettanti ħafna ta’ dawn il-mistoqsijiet u spiss, spiss ħafna, spiss wisq, waqt li jkunu qed jitħaddtu jitfgħulek xi waħda minnhom, jekk mhux it-tnejn li huma, ma’ wiċċek. ‘Fhimt?’ ‘Qed tifhem?’ ‘Qed tifhimni?’

Dawn huma mistoqsijiet insolenti, anki jekk min jagħmilhom ma jkollux dik l-intenzjoni. Meta wieħed jitaqsik intix qed tifhem jew fhimtux (jew fhimthiex), qisu qiegħed jgħidlek li moħħok ma jagħtikx biżżejjed, li inti tqil biex tifhem jew li farka injorant. Biex tifhem irid ikollok l-intelliġenza. Qed ħaddieħor jistaqsik intix qed tifhem bħallikieku qiegħed jittrattak ta’ injorant jew bniedem ‘slow’ mentalment.

Jista’ jkun li dawn il-mistoqsijiet tagħmilhom inti stess mingħajr ma taf waqt li tkun qiegħed titħaddet ma’ ħaddieħor. ‘Fhimt?’ ‘Qed tifhem?’ ‘Qed tifhimni?’ Bħallikieku jekk l-ieħor jew l-oħra ma fehmukx, mhux inti tkun fissirt ruħek ħażin ... sakemm ma tkunx qed tgħid xi għerf ta’ Salamun.

Mistoqsijiet insolenti

Imma lanqas f’dan il-każ. Ukoll jekk tkun qed tipprova tfisser xi ħaġa diffiċli lil xi ħadd, hu insolenti li tistaqsi jekk l-ieħor huwiex qed jifhem jew le. Tkun qiegħed tgħajjru ‘injorant’ jew ‘injoranta’ bil-pulit. Naf li ħafna drabi dan ma nagħmluhx b’dan l-iskop. Imma l-mistoqsijiet ‘Fhimt?’ ‘Qed tifhem?’ jew ‘Qed tifhimni?’ hekk ikunu jimplikaw.

Kien hemm żmien meta, sforz id-drawwa, jien ukoll kont nagħmel dawn il-mistoqsijiet lil ħaddieħor waqt it-taħdit tiegħi. Ma kontx inpoġġihom biex ninsolenta lil dak li jkun. Iżda lanqas ma kont naħseb wisq dwar x’jimplikaw u kemm huma mistoqsijiet impertinenti u jonqsu mir-rispett.

Sirt naf mod ieħor meta darba kont Spanja. Kont qiegħed nitħaddet ma’ xi nies minn Madrid (bl-Ispanjol) u, waqt li kienu qed ikellmuni, ġiet f’ħalqhom din il-mistoqsija: “Mi esplico?” – li tfisser: ‘Qed infisser ruħu sewwa?’; jew aħjar: ‘Qed ninftiehem?’ Kemm kienet differenti din il-mistoqsija minn dawk li kont nuża jien u ħafna Maltin oħrajn! X’differenza minn ‘Fhimt?’ ‘Qed tifhem?’ jew ‘Qed tifhimni?’

Mistoqsija rispettuża

Din il-mistoqsija, ‘Mi esplico?’ jew ‘Qed ninftiehem?’, ma tixħetx ir-responsabbiltà tal-ftehim tad-diskors fuq l-ieħor, imma tirrikonoxxi li l-kelliem jista’ ma jkunx qed ifisser ruħu sew. Il-mistoqsija ma takkużax lil ħaddieħor, inqar mingħajr intenzjoni, b’xi injoranza jew b’xi moħħ ħafif. Xejn minn dan. Hija twassal għall-istess skop—il-verifikazzjoni li l-messaġġ ta’ dak li qiegħed jingħad qed jasal—imma b’mod rispettuż u anki sabiħ.

Meta ħaddieħor jifhem x’qed ngħidu, dan ifisser li tkellimna b’mod li jinftiehem. L-istess meta aħna nifhmu lil ħaddieħor. Imma meta ħaddieħor ma jifhimx, jew jien ma nifhimx dak li jkun qed jingħad, disgħa u disgħin fil-mija tal-każi l-ħtija tinsab f’min ikun qed jitkellem; għax ma jfissirx ruħu sewwa b’mod li jista’ jinftiehem.

Għaldaqstant, kemm hi isbaħ il-mistoqsija ‘Qed ninfiehem?’ milli ‘Fhimt?’ ‘Qed tifhem?’ jew ‘Qed tifhimni?’! Kemm tagħmel sewwa li tidra tużaha minflok dawn il-mistoqsijiet impertinenti! Kemm hu aħjar li, fit-taħdit tagħna, nuru r-rispett lejn l-intelliġenza ta’ ħaddieħor.

Ngħid għalija, minn mindu tgħallimt din il-mistoqsija mill-Ispanjoli, qatt ma wżajt il-mistoqsijiet l-oħra aktar. Qatt. Dejjem nuża l-mistoqsija: ‘Qed ninftiehem?’ Jidhirli li tagħmel sewwa jekk tagħmel hekk int ukoll.


No comments:

Post a Comment

Top posts last 30 days

Top posts ever