Reġgħet is-siegħa tal-Libja?

L-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea donnhom reġgħu qegħdin iħejju għal attakki militari ġodda fil-Libja. Fil-bidu ta’ din is-sena, uffiċjali għoli tal-militari Britannika wieġeb lil ġurnalista tad-Daily Telegraph li l-affarijiet jidhru mexjin fid-direzzjoni ta’ attakk ieħor mill-ajru fuq il-Libja, din id-darba bl-iskuża li jridu jikkumbattu s-sellieta tal-Istat Iżlamiku.

Attakk imminenti?

Xahar ilu, in-New York Times ħabbret li t-titjiriet ta’ sorvelja min-NATO żdiedu bil-qabda. Sadattant, żdiedu wkoll missjonijiet sigriet ta’ stħarriġ fuq l-art. Filwaqt li n-NATO għandha mas-6,000 suldat lest għat-taqbid fil-Libja, qegħdin isiru laqgħat mal-gvernijiet tal-Magreb biex iħajruhom jissieħbu f’koalizzjoni oħra ta’ azzjoni militari.

Wara l-attakki tal-2011, li fihom kien tneħħa mill-poter u nqatel Gaddafi, il-Libja qatt ma ħadet ir-ruħ. Dan kien l-iskop tal-Punent, wara kollox: li l-Libya tkun post politikament destabbilizzat u suxxettibbli għall-isfruttament. Iżda l-Punent ma jaċċettax li jkun hemm ebda struffament jekk mhux minnu jew ikkontrollat minnu. Is-sellieta tal-Istat Iżlamiku jidher li fixklu dan il-pjan u se jagħtu lill-Punent skuża komda għal intervent militari ieħor.

Għalkemm uffiċjalment il-mira tal-intervent mistenni għandha tkun is-sellieta tal-Istat Iżlamiku, mhuwiex qiegħed jiġi eskluż li jistgħu jidħlu fil-mira obbjettivi oħra li, mill-2011 lil hawn, ma ġabux ruħhom sew skont il-pjan tal-Punent. Bi żball jew bil-ħsieb, dawn jistgħu jikluha wkoll waqt li kulħadd ikun fiż-żifna.

Gvern ta’ għaqda?

Infatti, waqt li qegħdin isiru dawn it-tħejjijiet għal intervent militari ieħor, il-komunità internazzjonali, fir-ras tagħha l-Ġnus Magħquda u l-Komunità Ewropea, qiegħda tfittex li twaqqaf gvern ġdid fil-Libja ħalli jieħu post it-tnejn li hemm bħalissa. Il-ħsieb hu li jitwaqqaf gvern li, biex taparsi jġib l-għaqda bejn il-partijiet mifruda, ikun għal kollox taħt il-kontroll tal-Punent.

Il-ħsieb jidher li hu li, la darba jitwaqqaf dan il-gvern ġdid, ikun hu stess li jitlob l-intervent militari bħala għajnuna sabiex iġib u jżomm il-kontroll. Il-pjan, għallanqas, dan jidher li hu. Dan it-tentattiv ta’ pjan diġà beda jseħħ meta f’Diċembru li għadda, fil-Marokk, ġie ffirmat ftehim għal gvern ta’ għaqda fil-Libja. Kienu l-Istati Uniti tal-Amerika li fasslu dan il-ftehim u wasslu għall-iffirmar tiegħu.

Jekk dan it-tentattiv li l-gvern il-ġdid ta’ għaqda ma jseħħlux iwarrab min-nofs liż-żewġ gvernijiet kurrenti tal-Libja (u, għalhekk, ma jkunx hemm sejħa interna għal intervent militari), hu maħsub li l-intervent xorta jsir. Mill-bieb jew mit-tieqa, il-Punent, instigat mill-Istati Uniti u l-Gran Britannja, beħsiebu jerġa’ jindaħal fil-Libja bil-forza.

Żball repetut?

L-attakki jistgħu jkunu l-aktar madwar Darma fil-lvant tal-pajjiż, Tripli fil-punent, Bengażi, imma l-aktar tul il-250 kilometru ta’ kosta bejn Abugrein u Bin Jawad madwar Surt. Ftit għajnuna tista’ tinstab mil-Libjani nfushom li, għal dawn l-aħħar erba’ snin—mill-waqa’ ta’ Gaddafi lil hawn—m’għamlu xejn ħlief jiġġieldu lil xulxin skont it-tribujiet tagħhom.

Il-pjan oriġinali, jiġifieri li l-Libja tkun taħt il-kontroll tal-Punent, ma rnexxiex. Il-pajjiż jinsab fi stat ħafna agħar milli kien fi żmien Gaddafi. Jidher li ma teżisti ebda għama ta’ kuntatti diplomatiċi mal-Istat Iżlamiku. L-unika soluzzjoni li aktarx qiegħda tiġi kkunsidrata hija biss vjolenti u militari.

Donnu l-iżball tal-2011 jinsab fuq il-punt li jerġa’ jiġi rrepetut. Hi din l-akbar ħasra. Li l-istrategi tal-gwerra qatt ma jaqtgħu qalbhom milli jibqgħu jużaw għalxejn l-istess mezzi minkejja li jaraw li r-riżultat mhuwiex qiegħed jinkiseb, inqar jekk ikun ħażin. Jafu biss jipproponu li jżidu l-intensità, li ma ssolvi xejn xorta waħda.

L-istrategi ma jemmnux b’mezzi paċifiċi. Probabbli lanqas biss jafu x’inhuma. Ma jużawhomx għax moħħhom hu marid bil-vjolenza li tippoża ta’ soluzzjoni. Il-vjolenza hi attriċi xiħa li l-linji tagħha ma jaqblu qatt mal-plot.


Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?