Erġajna koppi?

L-attività li organizza l-Partit Nazzjonalista l-wikend li għadda u l-Erbgħa ta’ qabel fakkruni f’attivitajiet simili tas-snin 80. Ħassejtni mibgħut lura fiż-żmien bħallikieku ma kinux għadda għoxrin sena sħaħ!! Intużat l-istess tattika! Intużaw l-istess tiżwiqa ta’ xbihat! Intuża saħansitra l-istess diskors! Ommi ma, x’inkubu!

Ħuta barra mill-ilma

Kellhom raġun biex ibiegħu l-Arċisqof Charles Scicluna u l-President Emeritu George Abela li f’dawk il-jiem ta’ dawn l-attivitajiet li semmejt jgħidu separatament li kienu nkwetati fuq il-qagħda tal-pajjiż. Kellhom raġun, inħoss jien, għax li mmorru lura għas-snin 80 b’repetizzjoni ta’ dak iż-żmien hija tabilħaqq inkwetanti.

Sfortunatament, xi wħud fil-Partit Nazzjonalista ma jaħsbuhiex hekk. Jistħajlu li tattika li ħadmet għoxrin sena ilu tista’ jew għandha mnejn terġa’ taħdem illum. L-Erbgħa, 6 tax-xahar, iddeċidew li jorganizzaw protesta ‘spontanja’ quddiem il-qorti. Simon Busuttil mar bi ħġaru. L-uniku wieħed li mill-filmati deher qisu ħuta barra mill-ilma kien Jason Azzopardi nnifsu.

Ngħid is-sew, ammirajtu. Kemm-il darba sikket in-nies milli jinfexxu f’tgħajjir u kliem ħażin. Kemm-il darba nstema’ jgħid li ma kienx qed jistenna li ssir dik il-frattarija kollha. Kemm-il darba deher iwaqqaf lin-nies milli juru ‘ewforija’ żejda b’għemilhom. Iżda ftit taw kasu għax kollox kien ippjanat.

Diski antiki

Għalkemm dawk li kkonċertaw l-attività ħadu ħsieb li jagħmlu storbju kemm setgħu, żgur li ma setgħux ma jkunux diżappuntati bl-għadd relattivament ċkejken ta’ nies li semgħu l-għajta tagħhom biex imorru quddiem il-qorti dak in-nhar. Dan minkejja li gazzetta bl-Ingliż kellha l-ardir tgħid li marru “hundreds” (mijiet). Forsi Keith Micallef, dak li kiteb ir-rapport, ma tgħallimx jgħodd wisq. Min jaf?

Minkejja dawn id-diżappunti, Simon Busuttil ma naqasx li jiddiżappunta. Kliemu kien à la De Marco fl-aqwa tal-kampanji tiegħu ma’ Fenech Adami għoxrin sena ilu. “Dan li qed nagħmlu mhuwiex biex niddefendu l-Oppożizzjoni,” qal Busuttil, “Iżda biex niddefendu d-demokrazija.” Ahhhh, erġajna koppi! Kemm-il darba smajnieha din fis-snin 80? Busuttil irid jikkonvinċina li għandna kriżi ta’ demokrazija. Diska antika.

Imma dan ma kienx kollox. Qalilna wkoll li se jmur il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Diska oħra antika tas-snin 80! Iżda diska li mbagħad indaqqet il-Ħadd ta’ wara l-attività u li baqgħet tindaqq sallum u li, bla dubju, se tibqa’ tindaqq fil-jiem li ġejjin. Offa! X’dippressjoni ta’ nies!

Żball kbir

Ikun żball kbir jekk il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jibda jirrepeti l-imgħoddi bit-tama li forsi jerġa’ jieħu l-istess riżultati ta’ għoxrin sena ilu. Żball kbir għax jidhirli li, minn dak iż-żmien lil hawn, kbirna xi ftit; tgħallimna xi ftit; immaturajna xi ftit. Iżda l-għajjat u l-baxxezzi li rajna l-Belt quddiem il-qorti u quddiem Kastilja ma jurux dan. Juru li xi wħud baqgħu mweħħlin fi żmien li ħadd ma jridu jerġa’ jżurna. Għallanqas nittama li ħadd.

L-iżball akbar hu dan: li, jekk Simon Busuttil jaħseb li se jikseb simpatija għall-kawża tiegħu, qiegħed jgħarralu; jekk għandu xi punt validu x’jagħmel, b’dan il-mod qed jitilfu. Busuttil irid ikabbar is-saħna li skopra billi jwessa’ l-kwestjoni u jħallat magħha ħwejjeġ li m’għandhomx x’jaqsmu wisq. It-tattika tiegħu tidher arkajka u mqanżħa li ma tistax tagħmillu għajr ħsara.

Fuq kollox, ma naħsibx li jeżistu wisq nies f’dan il-pajjiż li jridu li l-Partit Nazzjonalista, bħalma għamel b’astuzja fis-snin 80, jerġa’ jdaħħalhom fit-tensjoni u l-hemm li ġew iġġenerati b’dannu għall-pajjiż f’dawk iż-żminijiet. Politiku matur hu mistenni minnu li jkun aktar rett u meqjus fl-imġieba tiegħu. Għala Busuttil qed jixħet għar-riħ il-prudenza konswetudni tiegħu ma nafx.

Biex jogħġob lil ftit se jiġu umbrat minn ħafna.


Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?