L-istruttura kjażtika tal-Kantilena

Fis-7 ta’ April li għadda, f’diskors li għamilt l-Università ta’ Malta, ipproponejt li l-istruttura tal-Kantilena ta’ Pietru Caxaru ma kinetx waħda lineari kif dejjem inħaseb sa dak in-nhar. Ipproponejt li l-istruttura tal-Kantilena hi waħda ‘kjażtika’, kif se nfisser hawn taħt.
Kumbinazzjoni, din il-proposta tiegħi qed issir f’għeluq il-50 sena mis-sejba tal-Kantilena minn Mikiel Fsadni fl-1966. F’dawn l-aħħar 50 sena, ħadd ma jidher li ddubita li l-istruttura tal-poeżija medjevali tas-seklu 15 kienet waħda lineari. Kif se nuri, jien tajt evidenza kemm interna kif ukoll esterna biex nipprova din il-proposta tiegħi.

Struttura kjażtika

Il-fehma li l-istruttura tal-Kantilena kienet waħda lineari tistrieħ fuq is-suppożizzjoni li l-Kantilena hi poeżija konvenzjonali bħal kull poeżija oħra jew test letterarju ieħor. Din il-fehma kienet tonqos li tqis l-istruttura tal-Kantilena b’mod sħiħ jew ħolistiku. Qari aktar attent tal-Kantilena juri li l-istruttura tal-poeżija hija ferm aktar kumplessa milli nħaseb s’issa.

Minn dan il-qari joħroġ li l-istruttura hija waħda ‘kjażtika’. Dan ifisser li l-vrus huma relatati ma’ xulxin f’għamla ta’ X, qishom f’mera, fejn kollha jirreferu għall-vers tan-nofs. Infatti, il-kelma ‘kjażmu’ tiġi mill-ittra Griega ‘Ki’, li tinkiteb qisha l-exxe tagħna. Bħalma tista’ tara fix-xbieha, il-vrus jikkorrispondu ma’ xulxin b’mod invers, jiġifieri tal-ewwel mal-aħħar, it-tieni minn fuq mat-tieni minn isfel, u l-bqija.


L-istruttura kjażtika tieħu din l-għamla: A-B-Ċ-D—E—D-Ċ-B-A. Bħalma tista’ tinnota, il-vrus kollha huma organizzati madwar fus wieħed, minn barra għal ġewwa, qishom ċrieki madwar il-vers tan-nofs (li joqgħod waħdu). Iċ-ċrieki ta’ kjażmu klassiku huma ġeneralment sebgħa (bħalma fiha l-Kantilena). Il-vers tan-nofs jorbot direttament maż-żewġ vrus tat-tarf nett. Il-vrus kollha jitimgħu il-vers tan-nofs u jqegħduh l-ewlieni fosthom ilkoll. Dan ifisser li t-tifsira tat-test sintattikament tinsab kollha kemm hi fil-vers tan-nofs. Hemm jinsab il-muftieħ tat-tifsir tal-Kantilena.

Il-vers tan-nofs

Mix-xbieha li għandek hawnhekk tista’ tara li l-Kantilena fiha ekwilibriju strutturali perfett. Dan ma setax jiġi nnutat bil-viżjoni lineari li ngħatat qabel s’issa. Tant hu hekk, li, filwaqt li kien jiġi rikonoxxut li l-vers tan-nofs fih siwi ewlieni għall-poeżija, il-fasla strutturali li kienet tingħata qabel ħadmet kontrih għax naqqsitlu l-importanza tiegħu biex xeħtet it-tisħiq kollu fuq il-vers tal-aħħar.

Dan ma jiġrix bil-viżjoni ta’ struttura kjażtika. Aktar minn hekk, wieħed jista’ jinnota mix-xbieha li l-vrus tal-kjażmu jikkorrispondu ma’ xulxin f’armonija perfetta u, nistgħu nżidu, sabiħa. Il-vers I-A jikkorrispondi mal-vers I-A, I-B ma’ II-B, I-Ċ ma’ II-Ċ, I-D ma’ II-D, I-E ma’ II-E, I-F ma’ II-F, u l-vers G ma’ G'. Barra minn hekk, filwaqt li s-sitt vrus tal-ewwel strofa huma marbutin flimkien bi xbihat relatati mal-ilma, is-sitt vrus tat-tieni strofa huma marbutin madwar xbihat tal-art. Dawn fihom tifsir miżjud li jsaħħaħ il-viżjoni tal-istruttura kjażtika (li ma nistgħux nidħlu fihom hawnhekk).

F’din l-istruttura kjażtika joħroġ ċar li ma kellux raġun min iġġustifika l-erba’ vrus li ma jaqblux mal-bqija tal-kompożizzjoni u li Brandan Caxaru ftakarhom b’mod żbaljat u niżżilhom inkorrettament. Jidher evidenti li dawn il-vrus ma kinux parti mill-kompożizzjoni oriġinali.

Evidenza

Min fejn seta’ tnebbaħ Pietru Caxaru biex isawwar il-poeżija tiegħu f’għamla kjażtika? Jien nipproponi li kien hemm diversi tnebbiħiet u raġunijiet. Hawnhekk se nsemmihom biss mingħajr ma nidħol f’ebda dettall tagħhom.

L-ewwel nett, it-tradizzjoni poetika li Caxaru aktarx kien l-eqreb lejha kienet dik Andalusa u, speċifikament, ta’ Ibn Quzmân. Dan u l-iskola tiegħu kitbu l-biċċa l-kbira tal-letteratura poetika tagħhom f’għamla ta’ kjażmi li setgħu kienu mħajrin mis-sura kjażtika ta’ biċċiet ewlenin tal-Koran.

It-tieni, bħala parti minn familja ta’ Lhud ikkonvertiti għall-Kattoliċiżmu, Caxaru seta’ kien midħla sew tat-teknika retorika kjażtika hekk kif misjuba f’bosta kitbiet ewlenin tat-Testment il-Qadim, partikularment tal-profeti li kienu kittieba, kif ukoll f’partijiet ewlenin tal-vanġeli tat-Testment il-Ġdid, inkluż il-kantiċi u bosta parabboli ta’ Ġesù.

Bis-saħħa ta’ din l-istruttura, Caxaru seta’ jqiegħed f’post ewlieni sentimenti li għalih kienu importanti ħafna, fosthom it-tensjoni u l-konflitt li l-ħajja tħaddan, kemm b’mod ġenerali kif ukoll tiegħu personali. In-narrattiva mqanqla tal-Kantilena nnifisha tixhed għaċ-ċentralità ta’ dan. Però tixhed għaliha wkoll it-taqtiegħa li tħaddan il-Kantilena fuq livell intellettwali bejn l-elementi Platoniċi li tesprimi u l-organizzazzjoni teoretika Aristotelika tagħha, żewġ sistemi ta’ ħsieb kważi opposti għal xulxin.

Implikazzjonijiet

Barra dan kollu, għandna evidenza esterna mill-ħajja ta’ Caxaru nnifsu li wkoll tista’ tixhed għala fil-poeżija tiegħu huwa jagħti, permezz tal-kjażmu, prominenza hekk kbira lill-konflitt u t-tensjoni. Caxaru kellu ħajja personali mkidda minn għelt morali li qatt ma rriżolva. Dan għaliex, għalkemm ma kienx miżżewweġ, kien jgħix f’relazzjoni sesswali konsistenti u twila ma’ waħda mill-iskjavi tiegħu. Għalkemm kien raġel ta’ rispett soċjali kbir u ta’ statura politika għolja ħafna, mill-maħbuba tiegħu kellu erbat itfal illeġittimi li lkoll, inkluż ommhom, kienu jgħixu fl-istess dar miegħu fl-Imdina.

L-istruttura kjażtika tat lil Caxaru l-possibbiltà li, b’sengħa oratorja u retorika sofistikata, iqiegħed it-tħassib tiegħu dwar il-ħajja u t-taħbit tagħha bħala l-fus tal-poeżija tiegħu. Il-Kantilena mhijiex konvenzjonali bħalma Caxaru nnifsu ma kienx konvenzjonali. Dan kien dak li l-proġettazzjoni tal-istruttura lineari insiet tqis.

Għalkemm l-implikazzjonijiet ta’ din il-proġettazzjoni l-ġdida li pproponejt huma bosta, m’iniex se nidħol fihom hawnhekk. Biżżejjed ngħid li l-biċċa l-kbira tal-istudji li saru s’issa dwar il-Kantilena f’dawn l-aħħar ħamsin sena aktarx jeħtieġu jiġu reveduti.

Għal aktar dettalji dwar l-istruttura kjażtika tal-Kantilena, nistiednek tniżżel b’xejn l-istudju approfondit u dettaljat li tista’ ssib billi tagħfas hawnhekk.





Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?