Gvern prevedibbli

Waħda mir-raġunijiet għala xi wħud ma kinux jaħmlu lil Mintoff, kemm fuq il-livell politiku kif ukoll fuq dak privat, kien minħabba l-imprevedibbiltà tiegħu. Warajh, Fenech Adami u Gonzi għamlu ħilithom biex jagħtu impressjoni qawwija ta’ prevedibbiltà lill-gvernijiet tagħhom. Joseph Muscat mhux anqas. Minkejja dan, hija l-imprevedibbiltà li tagħmel persuna jew politiku interessanti.

Parti mill-istint

Il-prevedibbiltà tissuġġerixxi stabbiltà u serħan il-moħħ. L-aktar ħaġa li l-annimali kollha jobogħdu hija l-imprevedibbiltà. L-annimali ma jħobbux sorpriżi. Is-sigurtà tagħhom iħossuha tiddependi ħafna fuq li jkunu jafu sewwa x’inhu jiġri madwarhom u li xejn ma hu se jeħodhom għall-għarrieda. Dan jagħtihom sens ta’ kontroll. Kulmin jikkaċċja l-annimali jaf tajjeb li, biex ikollu suċċess fil-kaċċa tiegħu, in-nases li jħejji jridu jkunu moħbija taħt is-satra tal-korsa normali tal-affarijiet.

Il-prevedibbiltà hija kenn għall-annimali daqskemm il-qerda tagħhom. Għax huma dejjem prevedibbli, tista’ tingannahom kif trid. Jiġini f’rasi bħalissa l-periklu li jiffaċċja t-torero fl-arena tat-barrin. Minkejja l-qawwa tremenda tiegħu, it-toru huwa perfettament prevedibbli. Hu dan li jagħmlu dgħajjef u lest għall-qatla. Toru imprevedibbli jsejħulu “mbagħbas”, ħaġa li tibdlu f’oppożitur mortali.

Bħall-annimali, aħna wkoll miġbuda lejn il-prevedibbiltà b’mod naturali. Għalkemm is-sorpriżi ma jonqsux il-ħin kollu, nagħmlu minn kollox biex jiemna u ħajjitna jkunu prevedibbli kemm jista’ jkun. Mingħajrha, l-illużjoni ta’ sigurtà li tant nogħxew biha u ngħożżu tinħatt u nħossuna vulnerabbli, dgħajfa u maħkuma minn fatalità krudili.

L-imprevedibbiltà ta’ Mintoff

Mintoff kien famuż għall-imprevedibbiltà tiegħu. Din kienet waħda mill-bixriet ewlenin tiegħu li tagħtu qawwa, seher u, fl-istess ħin, dgħufija. Ħadd ma seta’ jħabbatha miegħu minn dan il-lat. Għalkemm l-għedewwa tiegħu fittxew li jużawha għall-vantaġġ tagħhom billi jkabbruha lil hinn minn kull proporzjon u minn kull għaqal. Fenech Adami kien il-mastru f’dan.

L-imprevedibbiltà kienet għodda li ġabet lil Mintoff foħrija daqskemm stmerrija. Għax sakemm is-sorpriżi toħloqhom int, il-ħabel jibqa’ f’idejk. Meta joħloqhomlok ħaddieħor, ikun ħataflek ir-riedni tal-inizzjattiva. Din kienet dgħufija li l-mexxejja politiċi kollha ta’ wara Mintoff ma ridux li jbatu minnha. Għaldaqstant fittxew li jħaddmu t-tmexxija tad-dekor billi jħaddnu l-politika tal-prevedibbiltà.

Minkejja li l-prevedibbiltà hija l-qagħda tal-medjokri, il-politiċi konvenzjonali jippreferu jkunu tedjanti milli telliefa. L-ambizzjoni tagħhom hi akbar mill-vantià li għandhom. Aktar minn hekk, huma jagħarfu tajjeb li d-dehra ta’ prevedibbiltà tista’ tkun ta’ vantaġġ għal min jużaha biex jinsatar warajha. Għax meta tagħti lil ħaddieħor impressjoni ta’ sigurtà ġġegħilu jniżżel id-difiżi tiegħu u jiftaħlek il-bieb tal-isfruttament.

Tipperfezzjona n-natura

Il-gvern ta’ Joseph Muscat jitmeżmeż milli jagħti impressjoni ta’ imprevedibbiltà għax jibża’ mill-iżvantaġġ li nisslet lil Mintoff daqskemm jobgħod il-vantaġġ li tat lil Fenech Adami. Tiegħu ma tistax tkun ġenerazzjoni rebbieħa jekk ma titgħallimx mill-imgħoddi.

Iżda l-imprevedibbiltà, meta mħaddma bis-sengħa, hija l-isbaħ kwalità li jista’ jkollu. Hija wkoll l-aqwa għodda li jista’ jħaddem. Jista’ jkun li hija ħasra li Mintoff mhuwiex miżmum b’imgħallem biżżejjed fl-arti tat-tmexxija, u li t-tagħlimiet ta’ Fenech Adami għadhom ma ġewx murija biżżejjed għal dak li tabilħaqq kienu. Għandu mnejn li l-istudju tas-sengħa tat-tmexxija ta’ dan l-aħħar nofs seklu għad irid jara ħakma aktar xierqa.

L-imprevedibbiltà mhijiex dnub. Hija l-ħila tal-għaref u l-vantaġġ ta’ min jaf jistenna. Hija s-sigriet tal-interess u l-leħħa ta’ min imexxi flok jitmexxa. L-imprevedibbiltà hija s-sengħa ta’ min jaf jippjana fit-tul, ta’ min jaf fejn irid jasal u ta’ min jaf jagħti s-sorpriżi. Fuq kollox, hija l-ispazju ta’ min irid jaqleb il-logħob.

L-imprevedibbiltà hija kontra l-istint. Tipperfezzjona n-natura.


http://www.free-ebooks.net/ebook/L-istruttura-kjaztika-tall-Kantilena-ta-Pietru-Caxaru

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?