Il-bennej tal-pontijiet

Ftit ilu, meta ġie nieqes l-Arċisqof Ġużeppi Mercieca, smajt diversi jgħidu fuqu b’ċerta awtorità li kien qeda l-uffiċċju tiegħu ta’ arċisqof jibni l-pontijiet. L-espressjoni inkurjożatni mhux ftit għax kont żgur li smajtha xi mkien qabel. Infatti, il-memorja tiegħi ma qarrqitx bija.

X’pontijiet huma?

Niftakar li, meta laħaq arċisqof, Pawlu Cremona wkoll kien uża din l-espressjoni stramba. Jekk Alla meta spiċċa xi ħadd ma żiedx jgħid li tul l-arċiveskovat tiegħu kien għamel proprju hekk, bena l-pontijiet. Jidhirli li anki l-arċisqof preżenti wera x-xewqa, hekk malli laħaq, li jagħmel l-istess u jibni l-pontijiet bħal ta’ qablu.

Mid-dehra hemm bżonn ta’ ħafna pontijiet. Għax dan il-bini kollu donnu qed isir drawwa, jekk mhux ukoll vizzju. Minn ħaġa waħda ninsab kważi ċert: li ħadd ma qal, għall-anqas safejn naf jien, li Gonzi wkoll, jiġifieri l-arċisqof ta’ qabel dawn kollha, kien bennej tal-pontijiet ukoll. Forsi ħadd m’azzarda jtawwal ilsienu daqshekk. U tifhimhom.

Il-bini tal-pontijiet hija professjoni fiha nnifisha. Il-biċċa hi li, kemm f’Malta u daqstant Għawdex, il-pontijiet tgħoddhom fuq is-swaba ta’ id waħda. Wieħed biss tagħtik il-Google Search jekk tfittex fiha: dak ta’ Manwel Dimech f’San Ġiljan. U dan bnewh iċ-Ċiniżi li, safejn naf jien, ebda wieħed mill-arċisqfijiet ma kien min-nisel tagħhom.

Sens simboliku

Jibqa’ l-fatt li l-espressjoni hija kurjuża, bla dubju. Għax, xi jridu jfissru eżattament biha meta jgħidu li xi ħadd (u arċisqof, jekk ma tridx) huwa bennej tal-pontijiet? Żgur ma jridux jgħidu dan f’sens litterali. Għax l-aktar li setgħu bnew l-arċisqfijiet f’kull parti tad-dinja f’kull żmien, u ċertament mhux kollha, kienu karrieri. Allura f’liema sens tintuża l-espressjoni?

Bla dubju f’sens simboliku. Iżda dan iħassibni. Għax l-espressjoni ddoqqli bħala waħda politika. Aktarx trid tgħid li, bħalma pont jgħaqqad żewġt ixtut li min-natura tagħhom Alla ħalaqhom mifrudin, b’xi mod, permezz ta’ dan il-mestjier simboliku, jinġiebu flimkien nies mifruda minn xulxin.

Dan huwa mestjier nobli, ċertament. Il-papa nnifsu jissejjaħ ‘pontifex maximus’, jiġifieri il-pont il-kbir, anki jekk dan it-titlu aktar jixraq lil Ġesù, li jgħaqqad il-bniedem ma’ Alla l-Missier. Imma forsi l-papa jgħaqqad ukoll il-bnedmin bejniethom. Allura, jekk niġu f’dan, kull nisrani, anzi kull bniedem, għandu jkollu dan il-mestjier li jġib il-għaqda.

Flok il-verità

Jien ma nafx li l-arċisqfijiet f’Malta kellhom xi bżonn speċjali li jgħaqqdu l-mifruda fost il-kongregazzjonijiet tagħhom jekk mhux f’xi każijiet eċċezzjonali ta’ bejn il-każini tal-festi. Għalhekk bil-fors li l-espressjoni tintuża f’sens politiku, fejn l-għaqda mixtieqa trid issir bejn il-partiti politiċi partiġġjani.

Jekk inhu hekk, fuq din il-firda ma nafx li qatt inbena xi pont, aħseb u ara wieħed suriet in-nies. Allura aktar jaqgħali f’rasi li din tal-bini tal-pontijiet hija waħda minn dawk l-espressjonijiet ċerimonjali li wieħed jobżoqha ma’ bosta oħrajn biex taparsi jkun qal xi ħaġa flok ix-xejn.

Jew, jekk mhux flok ix-xejn, flok il-verità. Għax, jekk hu minnu li, kif jgħidu, l-ewwel fatalità ta’ kull gwerra hija l-verità, mid-dehra daqstant ieħor hija ta’ kull funeral. Jista’ jkun li jien għalhekk la nħobb ’il waħda u lanqas ma togħġobni l-oħra.

Imma jekk ikollna tabilħaqq nagħżlu, kemm aħjar hu x-xejn milli n-nuqqas ta’ verità. Jew mill-kliem vojt.


http://www.free-ebooks.net/ebook/L-istruttura-kjaztika-tall-Kantilena-ta-Pietru-Caxaru

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?