Sunday, 29 May 2016

Nies imsallba; ħajjiet imkissra


Spiss jiġri li bosta minna jgħixu ħajjithom imsallba. Għal xi raġuni jew oħra, ħajjithom ma toħroġx kif ippjanawha jew basru. Xi wħud jirnexxielhom jaċċettaw dan kollu filwaqt li oħrajn jitkissru taħt it-toqol tat-tiġrib. Ħajjiet imkissra hawn kemm trid. Nies imsallba hawn bla għadd. Iżda wkoll tama. Ħafna tama. U, fejn hemm it-tama, il-ħajja ma tmutx.

Attività annwali

Dan se jkun is-suġġett ewlieni ta’ diskors li Karl Borg se jagħti nhar il-Ġimgħa li ġej, 3 ta’ Ġunju, ġoċ-ċentru tal-kreattività, il-Kavallier ta’ San Ġwann, il-belt Valletta, fl-okkażjoni tat-Taħdita Annwali tal-Filosofija. L-attività tibda fis-7.30 ta’ filgħaxija.

Din hija r-raba’ darba li qiegħda ssir din l-attività prestiġjuża. Hija organizzata mill-fondazzjoni ‘Philosophy Sharing’ u fiha jiġi ppreżentat diskors li l-iskop ewlieni tiegħu hu li jiftaħ orizzonti ġodda ta’ ħsieb u diskussjoni.

L-attività ssir biss darba f’sena u uffiċjalment tissejjaħ l-‘Annual Philosophy Lecture’. Għaliha jista’ jattendi kulħadd u d-dħul huwa bla ħlas. Wara jsir riċeviment ċkejken.

Espert fil-qasam

Karl Borg, il-kelliem ewlieni f’din l-edizzjoni tal-2016, huwa għalliem tal-filosofija. Kien ir-rinovatur tat-tagħlim tal-filosofija fis-sitt klassi ta’ dak li llum hu magħruf bħala l-Junior College u ħadem ukoll ta’ kap tad-dipartiment. Huwa studja l-Università ta’ Malta kif ukoll f’Londra u l-Amerika fil-patoloġija tal-lingwa.

Borg waqqaf ċ-ċentru kulturali u tat-tagħlim magħruf bħala l-‘Istitut ta’ San Tumas’, il-Furjana, u huwa wkoll wieħed mill-fundaturi tal-‘Moviment għall-Filosofija għat-Tfal u-ż-Żgħażagħ Ewropew’. Huwa kittieb u editur ta’ ’l fuq minn mitt ktieb ta’ suġġetti akkademiċi għal etajiet diversi, fosthom editur u kontributur tal-ktieb ‘Lingwa u Lingwistika’ li qiegħed fis-sillabu tal-Malti Avvanzat tal-Università ta’ Malta. Huwa wkoll koeditur tal-ġurnal akkademiku ġdid ‘The Maltese Journal of the Humanities and Social Sciences’.

Borg għandu madwar erba’ mitt pittura u abbozzi ta’ dik li tissejjaħ ‘Arti Filosofika’. Il-medjum huwa ż-żejt; ħafna drabi fuq tila organika kif kienet tinħadem fl-antik. Fost ix-xogħlijiet tiegħu hemm il-proġett poliptiku tal-Kurċifissjoni li jikkonsisti f’seba’ kwadri u simboli oħra bi stil post Chagaljan ultra modern.

Bżonn ta’ nifs imġedded

It-taħdita ta’ Karl Borg se tkun tikkonċentra fuq il-misteru tal-eżistenza u l-kundizzjoni umana. Ir-reliġjon, il-politika, l-arti, ix-xjenza u bosta oqsma oħrajn tal-għerf u t-tagħrif uman jinterpretaw din l-eżistenza u din il-kundizzjoni. Mhux dejjem jirnexxielhom għal kollox, iżda għall-anqas jippruvaw. Għalihom, il-bniedem huwa dejjem il-fus li lejh iħarsu, madwaru jinġabru u fuqu jsusu.

Imma l-ġlieda eterna ta’ kull wieħed u waħda minna mal-eżistenza tagħna u mal-għamliet li biha nġarrbuha u ngħixuha tibqa’ waħda problematika u bosta drabi qalila. Ninsabu lkoll nitliegħbu bejn dak li hu veru u dak li falz, bejn il-waqgħa u l-affirmazzjoni tagħna nfusna, bejn id-dlam tal-injoranza u d-dawl tal-għarfien u, fuq kollox, bejn il-ħajja nnifisha u l-mewt.

Huwa f’din it-taqtiegħa bla tmiem li spiss in-nies jitkissru u jiġu msallba. Id-definizzjonijiet li jagħtu tagħhom infushom, kif ukoll l-isforzi li jagħmlu biex jagħtu ftit sens lil dak li ma jistax jinftiehem għal kollox, f’ħafna waqtiet huma mkittfa, nieqsa u bla serħan.

Hija f’dan il-kuntest li l-filosofija tista’ tgħin ħafna. Għax hija tiftaħ twieqi ġodda, twessa’ orizzonti ta’ tama u turi l-mogħdijiet għal bibieb li jwasslu għal interpretazzjonijiet li qatt ma nkunu bsarna bihom.

Kull bniedem dejjem għandu bżonn ta’ nifs imġedded.

Hu għalhekk li dan l-attività se ssir. Jekk inti trid sfidi ġodda biex tgħix ħajtek, tonqosx għaliha.


http://www.free-ebooks.net/ebook/L-istruttura-kjaztika-tall-Kantilena-ta-Pietru-Caxaru

No comments:

Post a Comment

Top posts last 30 days

Top posts ever