Sunday, 22 May 2016

Reliġjon neoliberali?

Mhijiex ħaġa rari li r-reliġjon ‘uffiċjali’ ta’ pajjiż tagħti palata lill-filosofija tan-nazzjon. Ġrat fl-imgħoddi u tibqa’ tiġri ’l quddiem. Kemm-il darba, fil-gżejjer Maltin, il-gvernijiet u r-reliġjon imxew id f’id ħa jseddqu s-setgħa politika li kull wieħed minnhom kellhom b’mod differenti. Illum ukoll. Il-filosofija neoliberali donnha għandha r-reliġjon Kattolika tagħtiha r-riħ u tberkilha s-semm neoliberali tagħha.

In-neoliberaliżmu

Il-kelma ‘neoliberaliżmu’ tfisser ‘liberaliżmu ġdid’. Aktarx l-isem mhuwiex xieraq sabiex ifisser dak li jirrappreżenta n-neoliberaliżmu. Aktar kien ikun xieraq li jissejjaħ, ngħidu aħna, ‘psewdoliberaliżmu’. Għax fil-fatt, in-neoliberaliżmu hu liberaliżmu falz. Huwa jissabutaġġja l-prinċipji tal-liberaliżmu sabiex dawn jaqdu l-ħtiġijiet tas-suq kapitalista rażan.

In-neoliberaliżmu jdawwar dawn il-prinċipji tal-liberaliżmu fuq rashom. Jinqeda bis-sbuħija u l-fama tajba tagħhom għall-iskopijiet diżastrużi tiegħu. Dak li kien maħsub li jeqred il-privileġġi u jseddaq mill-qiegħ il-komunità umana jużah sabiex isaħħaħ proprju dak li hu kontra: il-privileġġi u l-frammentazzjoni soċjali (jew, jekk trid, il-firda bejn in-nies).

Il-prinċipji liberali li n-neoliberaliżmu jissabutaġġja u jimmanipula huma bosta. Aktarx l-aktar rappreżentattivi li nistgħu nsemmu huma dawn: is-supremazija tal-individwu, it-tnaqqis tal-preżenza governattiva, it-tisħiħ tal-komunitajiet lokali, l-imħabba nazzjonali, u l-ħarsien tal-ambjent.

Filosofija tal-kapitaliżmu

In-neoliberaliżmu jieħu dawn il-prinċipji u, mingħajr ma jikkontradixxihom, jużahom biex jeqred minn ġo fihom dak kollu li jista’ jaffettwa ħażin is-suq bla rażan. Iżomm b’suprem l-individwu kapitalista, jopponi l-kontrolli tas-suq min-naħa tal-gvernijiet, jifred lin-nies minn xulxin ħalli ma jkunu jistgħu jieħdu ebda azzjoni kollettiva, u jisfrutta r-riżorsi l-ambjent b’kull mod u mingħajr ħsieb għall-ġejjieni.

Bħala l-filosofija preferita tal-kapitaliżmu li żviluppa wara l-waqa’ tal-Unjoni Sovjetika, in-neoliberaliżmu rnexxielu jinfiltra kull fibra tas-soċjetà u joħloq mentalitajiet li jivvantaġġjawh. B’riħet il-flus, bil-kultura konsumistika li ġġenera huwa impressjonanti kif seħħlu jġib in-nies li jaġixxu KONTRA l-interessi tagħhom stess filwaqt li jbellagħhielhom li jħobbuhom u jixtieqilhom il-ġid.

Tabilħaqq, in-neoliberaliżmu jistrieħ fuq l-appell li għandu fil-‘punent’ u fuq il-sengħa li għandu li jisfrutta l-bqija tad-dinja biex iħalli l-‘punent’ paxxut. Il-muftieħ tas-suċċess tiegħu hija l-kumdità. Iżda din mhijiex għal kulħadd. Hija għal dik il-biċċa mill-popolazzjoni tad-dinja (bl-esklużjoni tal-bqija) li hija biżżejjed biex iżżommlu r-riħ fil-qlugħ.

Spiritwalità neoliberali

Sfortunatament, l-ispiritwalità tar-reliġjon Kattolika li hi l-aktar mifruxa llum fostna tgħin lil din il-filosofija tittrijunfa. Hija spiritwalità individwalistika li tinsisti fuq ir-relazzjoni tal-individwu ma’ Alla b’konsegwenza li teskludi s-solidarjetà soċjali konkreta, kemm fuq livell lokali daqskemm fuq dak internazzjonali. Fil-prattika, hija spiritwalità ta’ firda soċjali.

Barra minn hekk, hija spiritwalità li tinkuraġġixxi l-ħajja kwieta, serena u komda. Imqar b’mod indirett, hija tħeġġeġ relazzjoni mal-flus li hi diżordnata. Dan għaliex, filwaqt li tfakkar fid-dmir tax-xogħol u l-ħarsien tal-familja, hija fil-fatt qed tkabbar il-ġibda lejn il-konsumeriżmu u l-edoniżmu.

Hija wkoll spiritwalità personalistika li, għax tinsisti fuq l-individwaliżmu, mingħajr ma trid tnaqqas il-kuxjenza ambjentali u tqisu biss bħala mezz għall-fini tal-għajxien komdu.

Insiet ta’ min hi

Ir-reliġjoni Kattolika, għall-anqas fl-għamla li nafu biha llum fil-gżejjer Maltin, saret kompliċi tal-ħażen neoliberali. Hija ma tqisx lin-neoliberaliżmu bħala eretikali meta fil-fatt hekk hu. Għaldaqstant, ma topponiehx, ma tiqaflux u ma tiddenunzjahx. Bil-kontra, b’mod indirett hija taġevolah, issaħħu u tikkoopera mal-ereżiji tiegħu.

In-neoliberaliżmu huwa affront lil Alla. Huwa idolatru. Iżda dan il-Knisja Kattolika, għall-anqas fil-gżejjer Maltin, ma tarahx. Minħabba s-superfiċjalità tal-ispiritwalità li tħalli li tinfirex bla oppożizzjoni, anzi bil-barka taċita tagħha, hija saret hija stess parti mill-kultura tad-dnub flok parti mill-evanġelizzazzjoni tal-grazzja.

Fi kliem ieħor, saret reliġjon neoliberali. L-ispiritwalità tagħha tilfet l-awtentiċità tagħha. Ir-reliġjon Kattolika, għall-anqas f’dawn il-gżerjjer, insiet ta’ min hi, jiġifieri ta’ Ġesù, li hu denunċjatur ta’ kull idolatrija u oppożitur tal-filosofija li jirrappreżenta n-neoliberaliżmu.


http://www.free-ebooks.net/ebook/L-istruttura-kjaztika-tall-Kantilena-ta-Pietru-Caxaru

No comments:

Post a Comment

Top posts last 30 days

Top posts ever