Nies bla bonġu

Filgħodu tiltaqa’ ma’ bosta nies li donnhom ma jafux jgħidu bonġu. Nitħassarhom. Il-jum hekk sabiħ bil-għaxqa tiegħu, ħafna drabi b’xemx glorjuża titbissem fuq rasna, u huma qishom ċappa dlam miexja. Wiċċhom donnu bixra ta’ ruħhom. Mitlufin f’dinja għalihom. Maqtugħa mill-oħrajn. Bla ħila li jilqgħu s-sabiħ li ġej lejhom. Jinsġu n-nisġa tan-niket u l-hemm tagħhom.

Mgħaffġa

X’fiha billi ssellem lin-nies? Jew li tgħidilhom bonġu? Xejn. Imma għal bosta nies hija ħafna. Donnhom iridu jagħmlu sforz ta’ tqanżiħ kbir jew joforqu ħitan sħaħ ta’ għeluq u solitudni. Jgħaddu minn maġenbek qishom jeżistu weħedhom f’dinja li fiha lilhom biss u ħadd aktar. Nobsor li ħafna drabi huma nies li m’għandhom moħħ ħadd jew, agħar minn hekk, jibżgħu minn kulħadd.

Tara lil xi wħud filgħodu kmieni qishom qamu bid-dinja tagħfas tqila fuq moħħhom u ruħhom. U x’aktarx hekk ikun tabilħaqq. Il-problemi tagħhom kiluhom. Qishom huma biss għandhom problemi. Żgur li mhux huma biss. Iżda huma minn dawk li l-problemi jarawhom akbar minnhom (u forsi jkabbruhom ukoll).

Nażżarda ngħid li l-problemi mhumiex skuża biex ma tgħidx bonġu lin-nies jew biex ma ssellmilhomx. L-ewwel nett, għax jekk għandek il-problemi int, tixtieq li ħaddieħor ma jkollux bħalhom jew akbar minnhom. It-tieni, għax il-problemi m’għandek qatt tħallihom jgħarrqulek il-ġurnata jew sekonda waħda minnha. Bniedem m’għandux iħalli l-problemi jikkmandawh (bħalma m’għandu jħalli lil ħadd jikkmandah). Min jemmen f’Alla, imbagħad, dejjem għandu jiftakar—dejjem—li ma teżisti ebda problema akbar minn Alla.

Għeluq

Problemi għandu kulħadd. Imma mhux kulħadd ma jgħidx bonġu filgħodu. Wieħed jew waħda ma jgħidux bonġu għax m’għandhomx problemi. Jgħidu bonġu għax, minkejja l-problemi, jibdew il-jum b’wiċċhom għad-dawl biex jilqgħuh b’sidirhom. Ħsieb pożittiv—bħal biċċa bonġu—ma jsolvix problemi, bħalma ma jsolvix problemi ħsieb negattiv; imma jgħin. Anzi, jgħin bil-kbir.

Oħrajn ma jgħidux bonġu għax distratti wisq. Qegħdin jaħsbu fil-fond qishom se jiktbu t-Tractatus Philosophicus! Jew mitlufin fil-mużika bil-fili f’widnejhom. Jew qed iżeggu bil-mobajl tagħhom. Insomma, qegħdin jinjoraw x’inhu għaddej madwarhom jew min. F’kelma waħda, ma jinpurtahom minn ħadd ħlief fihom infushom. Tagħhom f’tagħhom. Huma biss.

Iżda jien ngħid li hemm ħin għal kollox. Hemm ħin għal ħaddieħor u hemm ħin għalik innifsek. Imma l-impressjoni tiegħi hi li bosta nies ma jafux jagħmlu d-differenza, jew jagħmluha meta m’għandhomx. Spiss dan isir biex ipaxxu l-istramberija tagħhom jew il-mistħija li għandhom min-nies. Fi kliem ieħor, sabiex jaħarbu minn dak li ma jafux jiffaċċjaw. Waqfu jiġġieldu d-difetti tagħhom. Waqfu jippruvaw itejbu lilhom infushom.

Rigal

Jien ma nara xejn tajjeb jew sabiħ f’min ma jafx jew nesa kif isellem jew jgħid bonġu lil ħaddieħor. Ħadd ma twieled Salamun; u kulħadd jeħtieġu jitgħallem. Forsi din hi waħda mit-tagħlimiet sbieħ li bniedem m’għandux jinjora fil-lezzjonijiet tiegħu. Kif jgħid bonġu. Kif isellem. Kif ikun ġeneruż bl-iżgħar affarijiet.

Għax hi ħaġa tassew tassew żgħira, u fl-istess waqt ħaġa tassew tassew kbira, li n-nies isellmu lil xulxin. Allaħares ninsew nagħmlu wkoll dan. Qisna kottx imtaten. Għax inkunu ħallejna s-suq tal-konsum, tal-individwaliżmu u tal-edoniżmu jirbaħ lil ruħna. Ikun firidna minn xulxin biex lanqas NARAW lil xulxin aktar.

Bonġu filgħodu hi rigal li għandna nkunu ġenerużi biżżejjed biex nagħtuh kulmeta nistgħu. Ma jiswielna xejn għajr li nirrikonoxxu lil ħaddieħor, nixtiequlhom il-ġid u nagħmlu d-dinja—u l-jum ġdid—isbaħ. Nies bla bonġu huma msejkna. U msejkna m’għandniex inkunu qatt.


http://www.free-ebooks.net/ebook/L-istruttura-Kjaztika-Tall-Kantilena-ta-Pietru-Caxaru

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?