Sunday, 19 June 2016

Orlando: Insejħu d-dnub b’ismu

L-attakk attroċi tal-Ħadd li għadda f’Orlando, Florida, ġie msejjaħ b’ħafna modi. ‘Attakk terroristiku Iżlamiku’ kien wieħed minnhom. ‘Attakk kontra l-libertà umana’ kien ieħor. ‘Attakk ġej mill-permessiviżmu’ ieħor. ‘Attakk ta’ mibegħda’ ieħor. ‘Attakk miġnun’ ieħor komuni. Kollha xi ftit jew wisq validi. Iżda ebda wieħed ma jolqot il-musmar fuq rasu. L-attakk kien kontra l-omosesswali (reat omofobiku). Għala ftit li xejn isejħulu b’ismu dan id-dnub?

Ewfemiżmu diżonest

L-attakk li ħalla madwar ħamsin ruħ mejta kmieni nhar il-Ħadd li għadda fl-Istati Uniti kexkex lil kulmin jista’ jsib f’qalbu l-ħniena għal ħaddieħor iżda wkoll għal kull min jista’ jimmaġina lilu nnifsu f’sitwazzjoni daqshekk kerha u terrifikanti. Kien attakk bla umanità, bla provokazzjoni u bla sens.

Ħafna segwewh u kkummentaw fuqu. Ħafna ħadu nota tal-kwalitajiet tal-qattiel, Omar Mateen, ta’ disgħa u għoxrin sena minn Florida, u bdew jispekulaw għala seta’ għamel dak li għamel. It-teoriji bdew jinbtu bħall-faqqus. Min jgħid ħaġa u min jgħid oħra. Terroriżmu! Permessiviżmu! Armi fl-idejn! Mibegħda! Ġenn! u l-bqija.

Iżda kien tal-għaġeb kif l-aktar ħaġa ovvja ftit kummentaturi kellhom il-ħila jistqarruha fil-miftuħ. L-Internet stess miżgħud artikli li jevitaw jgħidu l-ovvju.

In-najtklabb ‘Pulse’ ġo Florida huwa post magħruf għal fejn jinġemgħu l-omosesswali. Ovvjament, min imur hemmhekk mhux bilfors ikun omosesswali. Iżda l-post għalhekk hu magħruf u għalhekk imorru ħafna omosesswali fih. L-attakk ma kienx wieħed ġeneriku. Il-mira tal-attakkant ma kinetx waħda miftuħa u indiskriminanti. Kienet għal kollox preċiża.

Post, ħin u mira preċiżi

L-attakk vjolenti kien wieħed omofobiku. Kien attakk li speċifikament jidentifika l-omosesswali għall-qatla. Tabilħaqq, kien attakk ta’ mibegħda, ta’ ġenn, terroristiku, permessiv, bla sens, ikrah—sejjaħlu li trid—iżda FUQ KOLLOX wieħed omofobiku. Kienet il-mibegħda jew il-biżgħa mill-omosesswali li wasslet biex iseħħ.

Mateen, il-qattiel, seta’ kien Musulman, Kattoliku, Xintoista jew Indimonjat; ma jagħmilx differenza. Huwa kien jaf tajjeb li l-‘Pulse’ kien hemm l-omosesswali u mar apposta għalihom. Mateen seta’ qal li kien alleat tal-ISIS, tal-Opus Dei, tac-CID jew tal-MUSEUM—ma tagħmilx differenza lanqas. Huwa kien qattiel tal-omosesswali. Kien jobgħodhom. Mar speċifikament għalihom. U qatel kemm seta’ minnhom.

Meteen ma kienx qattiel tan-nies b’mod ġeneriku. Ma kellux mibegħda soċjali ġenerika. Ma kellux konvinzjonijiet reliġjużi, politiċi jew fantastiċi ġeneriċi. Kienu lkoll speċifiċi ħafna, għall-anqas fit-twettiq ta’ dan l-att. Kienu lkoll indirizzati lejn l-omosesswali.

Hu dan li jikkwalifika dan l-att ta’ vjolenza insensata l-ewwel u qabel kollox bħala att omofobiku.

Dnub omofobiku

Allura għala dan il-fatt tant ovvju ħafna ddardru li jistqarruh u saħansitra ħbewh? Qabel xejn, jidhirli jien, għax bosta jibqgħu ma jammettux il-vjolenza kontinwa, tista’ tgħid ta’ kuljum, li l-omosesswali jġarrbu mingħand għadd kbir ta’ nies ... nies li huma ta’ KULL fehma politika, stat soċjali, sess, reliġjon, qagħda ekonomika u l-bqija.

Din mhijiex vjolenza ġenerika—indirizzata lejn l-umanità, lejn is-soċjetà jew lejn is-sess maskil jew femminil. Hija vjolenza—ta’ kliem u għemil—indirizzata lejn l-omosesswali b’mod speċifiku, magħżul u diskriminat. Nistagħġeb kif ħafna dan jiċħduh. Kif jibqgħu ma jistgħux jammettu li din il-kategorija ta’ nies huma vittmi ta’ vjolenza kontinwa, spissa u kattiva.

Ovvjament, il-qtil huwa dnub ta’ gravità kbira (mortali), isir fuq min isir, inkluż l-omosesswali. Iżda daqstant ieħor jistgħu jkunu l-ħafna atti bil-kliem u bl-għemil li jsiru kontra l-omosesswali fuq bażi aktar komuni u djarja. L-omofobja huwa dnub serju ħafna b’konsegwenzi serji u devastanti.

Dan ta’ Orlando, qabel xejn, insejħulu b’ismu—dnub omofobiku—iżda l-istess għandna nagħmlu għal kull dnub ieħor li hu mmirat lejn kategorija ta’ nies li nistħajlu li għandna fuqha xi superjorità morali jew ta’ xi mod ieħor.


http://www.free-ebooks.net/ebook/L-istruttura-Kjaztika-Tall-Kantilena-ta-Pietru-Caxaru

1 comment:

  1. Grazzi Patri Mark li kapaci tghidha kif thossha. Ma toqghodx iddur mal-lewza. Kitbietek huma ghajn ta' ilma frisk. Tislijiet

    ReplyDelete