Sunday, 5 June 2016

Pajjiż perikoluż?

L-Istati Uniti tal-Amerika jista’ jkun wieħed mill-isbaħ pajjiżi tad-dinja. Mhux x’fih; x’ma fihx. Jissejjaħ ‘il-pajjiż tal-opportunità’ u aktarx tassew hu. Iżda għandu mnejn hu wkoll wieħed mill-aktar pajjiżi perikolużi li qatt eżistew. Isem bħalma hu ta’ Donald Trump hu biżżejjed biex jurik sefejn jista’ jasal l-Istati Uniti. Sa l-aktar qigħan baxxi tal-politika, sa l-aktar redikoli u sa l-aktar allarmanti.

Il-flus isaltnu

Fi żmien ġimagħtejn oħra, Donald Trump isir uffiċjalment il-kandidat tal-Partit Repubblikan għall-presidenza tal-Istati Uniti. Ftit tal-jiem wara, il-partit oppost, dak Demokratiku, jaħtar il-kandidata tiegħu biex ittellaqlu: Hillary Clinton. It-tnejn jibdew kampanja elettorali qawwija ta’ tliet xhur, sal-bidu ta’ Novembru, meta ssir l-elezzjoni ġenerali.

Skont Trump, l-uniku vantaġġ li għandha Clinton fuqu hi l-fatt li hija mara; mill-bqija, xejn. Skont Clinton, il-vantaġġ li għadu fuqha Trump huma l-flus. Infatti, Trump huwa billjunarju li ħallas għall-kampanja tiegħu stess tista’ tgħid minn butu biss. Kumpaniji stabbili tal-estimi finanzjarji jgħidu li l-patrimonju finanzjarju ta’ Trump jammonta għal madwar ħames billjun dollaru, jiġifieri xi 4.5 billjun ewro. Ta’ Clinton jingħad li jammonta għal tmenin milljun (jiġifieri xi 16% biss ta’ dak ta’ Trump).

Jekk hu minnu li bil-flus tagħmel saħansitra triq fil-baħar, fl-Istati Uniti bil-flus tista’ ssir president tal-pajjiż. Trump għandu mnejn hu eżempju prim ta’ dan. Huma x’inhuma l-kwalitajiet personali tiegħu jew huwiex kapaċi jmexxi l-pajjiż, hu fatt ċert li l-flus huma l-aqwa appoġġ elettorali tiegħu f’din il-kampanja.

L-arloġġ lura

Għal ħafna, il-kwalitajiet personali ta’ Trump huma qrib ix-xejn. Għall-anqas bħala kandidat presidenzjali tal-Istati Uniti. Għandu ħalqu kbir u lsienu twil. Iżda agħar minn hekk, hu politiku—jekk tista’ ssejjaħlu politiku—li l-fehmiet tiegħu ta’ tmexxija huma qrib il-fanatiżmu lemini; kważi aħdar f’ċerti aspetti; superfiċjali f’bosta oħrajn.

Minkejja dan, jogħġob lil ħafna mill-Amerikani. Lir-Repubblikani żgur. Mid-dehra, jaraw fih il-kburija, l-intransiġenza u l-intolleranza li jippretendu fl-akbar mexxej ta’ pajjiżhom, kemm fi ħwejjeġ ta’ ġewwa u wisq aktar f’dawk ta’ barra. Trump f’dawn l-aspetti mhuwiex jiddiżappuntahom. Qiegħed juri li, jekk qatt jilħaq president tal-Istati Uniti, imexxi l-arloġġ lura għal żmien il-presidenza tat-tieni George Bush; presidenza li għamlet lill-Istati Uniti mibgħuda mill-biċċa l-kbira ta’ niesha stess u ta’ ħafna mill-bqija tad-dinja.

Dik kienet presidenza li għamlet ukoll ħafna ħsara kemm lill-Istati Uniti kif ukoll lid-dinja, għax ħolqot konfrontazzjonijiet inutli li sa ħalliet miljuni mejta. Iżda għal xi wħud mill-Amerikani, jidher li jekk pajjiżhom ma jafx juri snienu, allura aħjar ma jiftaħx ħalqu. Trump snien għandu kemm trid.

Allarħares!

Għalkemm xi wħud iqisu—għandu mnejn mhux mingħajr raġun—li l-Istati Uniti huwa pajjiż tabilħaqq tal-meraviji, għandu din id-dgħufija kerha: li kapaċi jagħżel mexxejja li joħorġu l-agħar aspetti ta’ mentalità separatista, vjolenti u arroganti. Nies bħal Trump huma t-terrur ta’ kulmin iħobb il-kooperazzjoni dinjija, ir-rispett ta’ kull ġens taħt is-sema u, fuq kollox, il-ġustizzja.

Trump hu theddida għall-progress li għamlet l-Istati Uniti taħt Obama. Hu theddida għall-ftit prosperità li għamlu l-fqar u l-klassi tan-nofs f’dak il-pajjiż. Fuq dan, hu theddida għar-relazzjonijiet internazzjonali li, fi żmien Obama, stejqru mill-ħsara li kienu għamlu l-presidenti Repubblikani ta’ qabel.

Allaħares jirbaħ din l-elezzjoni Donald Trump! Allarħares l-Istati Uniti jerġa’ joħroġ bħala l-pajjiż perikoluż li jista’ tabilħaqq ikun. Allaħares jiġi l-isfreġju li l-flus ta’ Trump qegħdin iwiegħdu!

Il-futur tagħna lkoll jista’ jiddependi ħafna fuq din l-elezzjoni Amerikana.


http://www.free-ebooks.net/ebook/L-istruttura-Kjaztika-Tall-Kantilena-ta-Pietru-Caxaru

No comments:

Post a Comment