Sunday, 10 July 2016

“Ħaqq #$*@§!”

Jgħidu li aħna l-Maltin u l-Għawdxin famużi għad-dagħa. Għallanqas, jgħidu xi wħud, aħna famużi għal xi ħaġa, mhux xejn. Imma nistgħu nibqgħu ċerti, bħalma jixhed kulmin siefer jew għex f’pajjiż ieħor, li mhux il-Maltin biss jidgħu. Għala jsir dan mhuwiex magħruf bl-eżatt. Iżda studji reċenti wrew li d-dagħa fih xi vantaġġi marbutin mal-fasla psikoloġika tan-nies.

Dagħa sajfi?

Fis-sajf in-nies aktar jagħtuha biex joħorġu u jitħalltu ma’ ħaddieħor, speċjalment wara nżul ix-xemx, meta l-arja tiffriska u ġewwa hemm sħana wisq. F’dan iż-żmien, ersaq kulfejn trid fejn hemm ġemgħa ta’ nies u ibqa’ ċert li tisma’ lil min iżarrat. Jekk ma tismax millanqas dagħwa waħda kull minuta, obżoqli f’wiċċi!

Ftit hawn Maltin u Għawdxin—tabilħaqq, ftit hawn nies fid-dinja kollha—li jistgħu jgħidu li qatt ma qalu dagħwa jew tkellmu ħażin. Fil-fatt, in-nies jgħidu l-ereżijiet anki meta jkunu weħidhom. Imma, imbagħad, speċjalment meta jkunu ma’ ħaddieħor. Min jgħid kliem oxxen, pastaż, ħażin jew baxx, u min jidgħi ċar u tond b’ismijiet qaddisa.

Ġieli smajt lil min, kif ngħidu, “jidgħi dagħa jkisser il-blat”? Jew “jidgħi daqs baħri”? Jew lil min “jidgħi daqs kemm jieħu nifs”? Jew ’il min “jidgħi dagħa jkexkxek”? Dawn kollha, u oħrajn, huma espressjonijiet popolari li nużaw biex infissru t-tiżwiq u l-ilwien tal-kreattività tal-midgħija.

Vantaġġi tad-dagħa

F’Malta u Għawdex Kattoliċi aktar mill-Papa tistenna li d-dagħa ma jkunx daqshekk frekwenti. Iżda l-psikoloġija umana donnha tiddetta l-kontra. Minn studji li saru, jidher li l-Kattoliċi huma fost l-aktar nies li jidgħu fid-dinja. Infatti, barra l-Maltin, issib li l-Franċiżi, it-Taljani, il-Filippini, l-Irlandiżi (Kattoliċi) u l-Latinoamerikani (Kattoliċi) huma fost l-akbar dagħwa. U d-dagħa reliġjuż tagħhom huwa mżewwaq tassew!

Iżda d-dagħa u l-kliem ħażin u oxxen hu magħruf li jeżisti fost kull poplu tad-dinja, anki fost il-Ġappuniżi, li xi kultant issib li għandhom il-fama li l-ilsien tagħhom m’għandux kliem ħażin. Jidgħi u jitkellem ħażin kulħadd. Għala?

Studji reċenti, bħal tal-psikologu Richard Stephens tal-Università ta’ Keele, l-Ingilterra, juru li d-dagħa jservi bħala mekkaniżmu psikoloġiku sinifikanti. Skont Stephens, wieħed mill-aktar vantaġġi l-aktar qawwija tad-dagħa huwa li jgħin lil min jidgħi biex jissaporti l-uġigħ. Sperimentazzjonijiet urew li min jidgħi jissaporti l-uġigħ aktar minn min ma jidgħix. Psikoloġikament, il-biċċa l-kbira tan-nies jidgħu meta jkunu qed iġarrbu xi għamla jew oħra ta’ wġigħ.

Vantaġġi oħra

Studji oħrajn juri li, barra dna, hemm vantaġġi oħra tad-dagħa. Waħda minnhom hija għal aktar effettività fil-komunikazzjoni, kemm biex bniedem jisħaq dak li jkun qed jgħid u kemm biex jixxokkja lil min ikun qed jisimgħu. Id-dagħa jesprimi sentimenti aktar minn ċerti kliem. Vantaġġ ieħor huwa li d-dagħa jservi ta’ sfog, xi kultant bħala sostituzzjoni kontra aġir vjolenti kontra ħaddieħor jew kontra wieħed innifsu.

Id-dagħa jista’ jkun ukoll mekkaniżmu mentali li jaħdem kontra ċerti inkapaċitajiet, bħal meta jidgħi mingħajr diffikultà min is-soltu jlaqlaq jew itemtem. Id-dagħa jista’ jservi wkoll ta’ mezz ta’ solidarjetà, biex bniedem juri bid-dagħa tiegħu li hu familjari u ta’ ġewwa mal-oħrajn.

M’għandniex xi ngħidu, id-dagħa jista’ jkun mod ta’ kif bniedem jinsulta lil ħaddieħor b’mod qawwi ħafna. Jista’ jsir ukoll biss għall-ksuħat.

Hu x’inhu, minbarra l-aspett morali tiegħu, id-dagħa jista’ jkun mezz ta’ kif nimmaniġjaw ir-rabja tagħna. Jista’ jkun li mhuwiex l-aqwa mod, imma żgur li jidher li fih vantaġġi li jservu ta’ ġid. Min jaf huwiex għalhekk li l-Maltin u l-Għawdxin huma kapaċi jidgħu aktar minn ħaddieħor?

1 comment:

  1. Sur Mark Montebello, u trid tbellgħahilna li int patri. Min jidgħi huwa injorant u mal-edukat

    ReplyDelete

Top posts last 30 days

Top posts ever