Il-massa tar-riċevituri

Huwa evidenti li l-gvern jaħdem fuq diversi oqsma ta’ livelli. Jagħti lil kull waħda minnhom priorità, importanza, investiment ta’ ħin u enerġija differenti skont il-ħtieġa u skont il-politika tiegħu. Spiss, qasam jitlob impenn akbar ta’ attenzjoni fuq l-oħrajn. Wieħed mix-xogħlijiet tal-gvern huwa li jsib bilanċ bejn l-oqsma u ma jħallix li jinxtorob minn waħda għad-detriment tal-oħrajn. Jekk jiġri hekk, ikun ta’ detriment kemm għalih u kemm għall-interess nazzjonali.

Ħidma differenti

Jidhirli li hemm erba’ oqsma ewlenin li fuqhom jaħdem il-gvern fuq livelli differenti. Se nsemmihom mhux f’ordni ta’ importanza iżda biss f’ordni ta’ konvenjenza. Hemm il-qasam Ewropew u internazzjonali (tal-Unjoni Ewropea u ta’ pajjiżi oħrajn). Hemm il-qasam tal-relazzjoni mal-kummerċjanti lokali (l-aktar tal-privat). Hemm il-qasam politiku (f’relazzjoni mal-amministrazzjoni ġenerali u mal-oppożizzjoni). Hemm imbagħad ukoll il-qasam tal-biċċa l-kbira tan-nies riċevituri (li m’għandhomx x’jaqsmu direttament mal-gvern iżda li jiġu affettwati minnu u mill-politika u l-ħidma tiegħu).

Għalkemm fuq livelli differenti, dawn l-oqsma jirkbu fuq xulxin u, xi kultant, jiddependu minn xulxin. Ovvjament, hemm rabta bejniethom li d-distinzjoni li nagħmlu tagħhom huwa biss għal raġunijiet ta’ analiżi. Il-gvern irid jaħseb fihom ilkoll kollha f’salt u jara li waħda ma tkunx ta’ dannu għall-oħrajn. F’xi wħud minnhom, il-gvern ikollu aktar libertà ta’ azzjoni milli f’oħrajn u, għalhekk, id-deċiżjonijiet tiegħu jridu jittieħdu b’attenzjoni kbira.

Aħna, min-naħa tagħna, l-aktar li jinteressana huwa l-aħħar qasam li semmejt, il-qasam tar-riċevituri (biex insejjaħlu hekk). Id-dipendenza tagħna fuq id-deċiżjonijiet u l-politika tal-gvern, oqsma li ftit għandna sehem fit-tiswir u l-binja tagħhom, mhijiex żgħira.

Oqsma ‘sekondarji’

Jekk wieħed isegwi ftit mill-qrib l-amministrazzjoni governattiva kurrenti għandu mnejn jinnota li l-qasam internazzjoni huwa l-anqas wieħed fejn il-gvern għandu l-libertà li jaġixxi kif irid. Hawnhekk huwa marbut b’ħafna ftehimijiet u konvenzjonijiet li ma jistax ma joħolqulux obbligu li jrid iħarsu, xi kultant kontra l-aħjar ġudizzju tiegħu. Minkejja dan, jista’ jkun li dan hu l-qasam li l-anqas jaffettwa lin-nies direttament jew jinteressahom wisq.

L-istess il-qasam tal-amministrazzjoni ġenerali u r-relazzjoni mal-oppożizzjoni. Għalkemm dan il-qasam xi kultant jagħmel l-aktar ħoss u jista’ jidher li għandu importanza esaġerata, għandu mnejn mhuwiex daqskemm determinanti għall-ħajja ta’ kuljum tan-nies. Ovvjament, għandu l-importanza tiegħu, iżda mhux b’mod kruċjali jew ta’ effettività diretta għall-għajxien minn jum għall-ieħor.

Differenti minn dan hija r-relazzjoni tal-gvern ma’ dik li xi kultant tissejjaħ il-‘komunità tal-kummerċ’ jew, b’ewfemiżmu akbar, l-‘imsieħba soċjali’. Il-kummerċjanti għandhom għeruqhom fl-art ta’ taħt saqajn in-nies. Għalkemm ħafna drabi ma jidhrux jieħdu sehem espliċitu fil-ħajja pubblika, jaħdmu l-ħin kollu, kullimkien u fejn jolqotna fil-laħam il-ħaj. Ir-relazzjoni tal-gvern magħhom, għalkemm bosta drabi moħbija mill-għajnejn kurjużi, hija determinanti għall-ħajja tal-bniedem fit-triq, għar-riċevituri.

Żvantaġġi detrimentali

Dan il-qasam li semmejna l-aħħar ovvjament jinteressana direttament u bil-kbir. Jista’ jkun li huwa l-qasam li l-aktar qed iġarrab effetti, xi kultant ħżiena, mit-tisħiq fuq il-vantaġġi li l-gvern għandu mnejn qed jagħti lil ċerti oqsma tal-kummerċ. Minħabba f’dan, bosta rkejjen tal-qasam tar-riċevituri qed jitħalla jaqa’ lura bil-mod il-mod, speċjalment f’termini finanzjarji.

Mhuwiex xi sigriet li l-privat jaħseb l-aktar għal rasu. Huwa l-gvern li jrid jirregolah biex ma jagħmilx ħsara lil nies li la għandhom sehem fil-gvern, la fir-relazzjoni kummerċjali u lanqas fil-ħajja pubblika. Dawn huma l-massa anonima (u aktarx siekta). Huma wkoll il-massa tal-elettorat.

Jidher li ħsara qed issir. Mhux biss minn vantaġġi mogħtija lill-privat imma wkoll minn żvantaġġi amministrattivi li jista’ jkun mhumiex qed jiġu indirizzati biżżejjed mill-gvern. Nofs il-mandat tal-gvern biex imexxi l-pajjiż issa għadda. Daħal sew iż-żmien li l-gvern jivvantaġġja b’mod ċar u sostanzjali lir-riċevitur daqskemm ivvantaġġa lill-kummerċjant.

Il-massa tar-riċevituri kwieta iżda taf iżżomm fil-komma.

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?