Sunday, 31 July 2016

Mintoff ta’ 100 sena

Nhar is-Sibt li ġej, 6 ta’ Awwissu, festa tas-Salvatur, il-Perit Dom Mintoff jagħlaq 100 sena minn twelidu. Bosta attivitajiet din il-ġimgħa se jfakkru dan l-anniversarju speċjali. L-iskop ewlieni ta’ dawn l-attivitajiet huwa, nobsor jien, li jagħtu opportunità ħalli nagħarfu lil Mintoff xi ftit aħjar, niċċelebraw ħajtu u ħidmietu, u nifhmu aktar is-sehem li kellu fil-bidla għall-aħjar li kiseb il-poplu Malti permezz tiegħu.

Iċ-ċappa t’intietef

Jista’ jkun hemm skop ieħor ma’ dawn, forsi anqas popolari llum. Jiġifieri dak li nisiltu l-prinċipji ewlenin tal-ħsieb u l-ħidma tiegħu li nagħarfuhom bħala tajba u nagħmlu ħilitna biex napplikawhom għaċ-ċirkustanzi l-ġodda ta’ żmienna. Nifhem li għal bosta llum dan ma jagħmilx sens. Jemmnu li Mintoff kien bniedem ta’ żmienu u llum m’għadx għandu post għax id-dinja u l-politika tbiddlu għal kollox.

Li dawn tbiddlu m’għandix dubju. Li Mintoff m’għandux post aktar illum, għandi. Jidhirli li hemm ħwejjeġ fil-filosofija politika tiegħu li jistgħu u għandhom jiġu applikati jekkemmildarba noforquhom miċ-ċappa t’intietef u nifhmu sew x’inhuma.

X’ċappa t’intietef hi? Hija l-ixkiel li għandna minħabba li għad m’għandiex ħila noforqu dak li hu essenzjali f’Mintoff minn dak li mhuwiex. Jiġifieri mill-eluf ta’ preġudizzji, idolatriji, esaġerazzjonijiet, ħrejjef, stejjer u fantasiji li jiffurmaw ċappa inartikulata u indistinta ta’ min kien, x’ħaseb u x’għamel. Aktarx il-memorja għadha friska wisq. Qed tfixkilna.

Xkiel fil-proċess tat-tagħrif

Diġa’ għaddew erba’ snin mit-telfa mibkija tiegħu u m’aħniex f’pożizzjoni aħjar milli nżidu maċ-ċappa t’intietef. Dan jgħodd kemm għal dawk li jħobbuh kif ukoll għal dawk li, fil-miftuħ jew fil-magħluq, ma jħobbuhx. Aktarx mingħajr ma jridu, it-tnejn huma psikoloġikament imxekkla serjament mill-proċess tat-tagħrif li għandhom xi jħaddmu. Xi jfisser dan?

Ifisser li, għall-anqas f’dan il-każ partikulari, il-memorja għad għandna xi jfixkilha meta tiġi biex tirkupra tifkiriet mill-ħażna tagħha. Il-ħażna tant hija miżgħuda u mgħobbija b’intietef irrelevanti, spuri u inneċessarji (flimkien ma’ dak li mhuwiex) li, meta ‘tintalab’ biex tirkupra t-tagħrif, tgħaddi dak kollu li għandna mingħajr għażla ta’ xejn bejn l-intietef kollha bħallikieku kollox kien tal-istess siwi.

Dan jagħmel parti mill-proċess mentali li bih nibdlu t-tagħrif li niltaqgħu miegħu f’għamla (kodifikata) li tista’ tiġi maħżuna u rekuperata, kemm fuq livell individwali daqskemm fuq livell kollettiv. Ovvjament, fuq livell individwali t-tagħrif huwa ta’ natura awtobijografika. Fuq livell kollettiv, iżda, it-tagħrif huwa kodifikat kulturalment, u maħżun u rekuperat b’diversi mezzi ta’ komunikazzjoni.

Kodifikazzjoni kulturali

Hawn qiegħda l-problema ewlenija f’dan il-każ partikulari tal-Perit Mintoff, jiġifieri fuq livell kollettiv, u speċifikament fl-ewwel stadju tal-proċess tat-tagħrif, jiġifieri fil-kodifikazzjoni kulturali tat-tagħrif. Dan qiegħed ifixkel iż-żewġ stadji suċċessivi, jiġifieri tal-ħażna u tar-rekuperu.

Fl-ewwel stadju, it-tagħrif irid jiġi pproċessat qabel ma mbagħad ikun jista’ jiġi maħżun b’mod organizzat u rekuperat b’faċilità effettiva. Immaġina biblijoteka li titfa’ l-kotba fuq l-ixkafef tagħha mingħajr ebda ordni ta’ xejn. Kif se ssir il-ktieb li trid? Kif se jirnexxielek tagħżel kotba essenzjali mill-irmixk l-ieħor? (F’komputer differenti, għax għandek l-għodod tat-tfittxija, li la f’biblijoteka mingħajr katalogazzjoni elettronika u lanqas f’moħħok m’għandek minnhom.)

Għajr għal xi tentattivi individwali ċkejkna u rari, s’issa ebda tip ta’ ipproċessar kulturali ma sar mill-muntanja ta’ tagħrif li għandna fuq il-Perit Mintoff. Kollox maħżun ħallata ballata mingħajr kodifikazzjoni ta’ xejn. Kif jista’ jsir rekuperu suriet in-nies? Għandu mnejn li għadu kmieni wisq biex dan isir professjonalment. Jista’ jkun ukoll li l-attivitajiet li se jsiru f’rabta ma’ dan l-anniversarju se jkomplu jżidu fit-tgħaffiġa.

Xorta mhuwiex ħażin li niċċelebrawh.


No comments:

Post a Comment

Top posts last 30 days

Top posts ever