Aħna poplu maħmuġ?

Ħafna drabi ma tistax ma tinnotax il-ħmieġ f’postijiet pubbliċi. Il-bajjiet, postijiet ta’ divertiment, inħawi ta’ fejn isiru attivitajiet tal-massa, iżda wkoll lokalitajiet residenzjali, spiss issibhom miżgħudin ħmieġ u skart li n-nies jarmu addoċċ. Jgħidu li aħna poplu nadif. Nemminha. Xi kultant, imma, nitħasseb serjament.

Filosofija difettuża

Il-filosofija li ‘mill-bieb il-ġewwa tiegħek; mill-bieb ’il barra ta’ ħadd’ aktarx tagħti sehemha biex tkabbar il-kultura tal-ħmieġ pubbliku. Mill-bieb ’il barra m’hu ta’ ħadd għax huwa ta’ kulħadd. Bosta drabi dan ifisser li tista’ tagħmel bih li trid u li jogħġbok. Bl-iskart li ma tridx b’mod partikulari. ‘Xi ħadd jiġbru,’ jgħidulek xi wħud.

Tassew, għax il-Kunsilli Lokali għandhom uġigħ ta’ ras kbira jnaddfu l-inħawi tagħhom miż-żibel li l-ħin kollu jkunu qed jixħtu n-nies fl-ispazji komuni u pubbliċi. Nifhem li dan l-isforz jiġi jiswa eluf kbar ta’ ewros fis-sena. Eluf kbar minħabba vizzju ikrah.

Il-problema hawnhekk, iżda, mhijiex biss ta’ flus. Hija ta’ mentalità. Aktar minn hekk, hi kwestjoni ta’ filosofija neoliberali li dak li mhuwiex direttament tiegħi m’għandix responsabbiltà tiegħu. Hija filosofija li tonqos mir-rispett lejn ħaddieħor u tistrieħ fuq il-kunċett difettuż ta’ x’inhu tiegħi u x’huwiex.

L-ambjent vittma

L-ambjent huwa l-akbar vittma f’din l-istorja. Minn dejjem kien vittma. Issa aktarx aktar. L-ambjent—l-art, is-sema u l-baħar—qisu nħaseb li kien il-landa taż-żibel ta’ kulħadd. Qisu kien bir bla qiegħ li jesa’ kollox mingħajr qatt ma jista’ jkun hemm tmiem għall-ispazju li għandu. Qisu stajt titfagħlu kulma trid, għax ma jħoss xejn.

Ir-riżultant, fuq medda ta’ eluf u mijiet ta’ snin, iżda speċjalment f’dawn l-aħħar mitejn sena, kien wieħed devastanti, kemm għall-ambjent innifsu daqskemm għalina nfusna. Din il-viżjoni tal-ambjent bħala miżbla naturali ssieħbet mal-idea li l-bniedem hu sid l-ambjent u jista’ jagħmel bih li jrid u li jogħġbu. Saħansitra jħammġu lil hinn minn kull tindif. Saħansitra jeqirdu.

Hija l-idea idea u l-istess viżjoni li twassal lin-nies iħammġu l-postijiet pubbliċi li, skont huma, mhumiex tagħhom, iżda ta’ kulħadd, u għalhekk ta’ ħadd. Dawn qajla jifhmu jew iridu jitgħallmu li l-ambjent mhux biss huma tagħhom, iżda huwa huma stess. L-ambjent hu aħna għax jiffurmana, jsaħħaħna u jgħajjixna.

X’jista’ jsir aktar

Qabel xejn, il-kampanji gvernattivi, ċentrali u lokali, għaż-żamma tal-indafa tal-postijiet pubbliċi għandha tiġi mkabbra bil-wisq, speċjalment b’tfakkiriet televiżivi maħduma professjonalment. Hawn ftit wisq minnhom. Jeħtieġ li jikbru jekk hemm ir-rieda politika li jkollna ambjent aktar nadif.

Imbagħad fl-iskejjel. L-isforz għandu jkun bla heda. L-istudenti ta’ kull età, speċjalment aktar ma jikbru, għandhom jiġu ‘indottrinati’, biex nuża’ din il-kelma kerha, fil-kultura tal-indafa pubblika u fil-filosofija ta’ ġmiel u saħħet l-ambjent. Ma huwa qatt biżżejjed li jixxandar dan il-messaġġ.

Ma’ dan kollu, hemm ukoll il-ħtieġa, jidhirli jien, li l-kummerċjanti kbar u żgħar jingħataw messaġġi ċari tal-ħtieġa li jħarsu l-ambjent mit-tinġis u l-ħmieġ, u li jiddepożitaw b’mod xieraq l-iskart tagħhom. Liġijiet jeżistu diġà, mhemmx għalfejn inżidu aktar. Li jonqos huma l-inforzar tagħhom. Inforzar bis-serjetà u b’konsistenza.

L-ambjent huwa aħna. Jekk aħna poplu nadif, allura l-ambjent għandu jirrifletti l-indafa li aħna magħrufin għaliha.


Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?