Il-ħtieġa tal-manteniment

Kollox jeħtieġ il-manteniment tiegħu. Ibda minn il-ġisem fiżiku tagħna u spiċċa bit-toroq li timxu fihom. Kollox. La ħaġa teżisti u ma tistax tieħu ħsieb lilha nnifisha, speċjalment jekk hi xogħol ta’ idejn il-bniedem, teħtieġ li tieħu ħsiebha regolarment. Inkella tiddeterjora u tispiċċa biex issir bla siwi. Il-manteniment hu parti mill-proċess ta’ kull eżistenza u ħolqien. Imma donnu f’Malta u Għawdex nemmnu li l-affarijiet jieħdu ħsieb lilhom infushom.

Xogħol kbir u siewi

F’Malta u Għawdex isir ħafna xogħol siewi ta’ natura pubblika, kemm mill-gvern, kemm mill-kunsilli lokali, kemm mill-parroċċi u kemm mill-individwi. Ħafna drabi, waħdu waħdu, ma jkunx jammonta għal wisq, imma kumplessivament, bil-mod il-mod, jagħmel differenza kbira.

Huwa xogħol ta’ kwalità wkoll. Kemm jekk ikun xogħol ta’ ħadid, injam, ġebel, konkos u l-bqija, u kemm jekk xogħol li jitlob koordinazzjoni fil-kumplessità ta’ materjal differenti. Bosta drabi tkun evidenti il-ħila tal-manifetturi, il-produtturi u l-installaturi tax-xogħol. Wieħed japprezza l-ħiliet differenti u s-snajja’ ta’ dawn in-nies imħarrġa.

Dan l-għadd kbir ta’ xogħolijiet li saru u jkomplu jsiru regolament ġab bidliet konsiderevoli fil-biċċa l-kbira tal-lokalitajiet diversi tal-gżejjer Maltin. Id-differenza tista’ ma tidhirx mill-ewwel, imma maż-żmien ikun hemm qabża kbira fid-dehra tal-postijiet u fis-servizzi pubbliċi li joffru.

L-iżbiba

Però ma’ dan kollu għandna wkoll l-iżbiba. Għax ħafna minn dawn ix-xogħolijiet, la darba jkunu saru, bħallikieku nistennew li jieħdu ħsieb lilhom infushom. Qishom saru darba għal dejjem. Qisu ż-żmien mhuwiex se jgħaddi minn fuqhom jew mhu se jkollhom qatt il-bżonn li xi ħadd jagħti kas tal-ħtiġijiet materjali tagħhom. F’kelma waħda, qisu li l-manteniment ma jeżistix.

Xi kultant naħseb li min ikun ippjana u għamel il-proġetti sbieħ u ta’ siwi li semmejt, donnu qatt ma jaħseb ukoll biex jara li, jekk mhux kull sena jew tnejn jew tlieta jew erbgħa, għall-anqas XI DARBA, jsirulhom xi tip ta’ manteniment. Il-ġdid sabiħ, imma l-ġdid ma jibqax ġdid għal dejjem, u l-użu stess, flimkien maż-żmien u l-elementi, iqaddmu, iqaddu, ikagħbru u jgħarrqu.

Għalkemm dan hu minn ewl id-dinja, xorta waħda tara li ħadd ma jkun ħaseb għall-manteniment tal-ħaġa. Hekk, bosta affarijiet minn sbieħ isiru koroh u jdejqu l-għajn. Xi kultant tintebaħ li l-affarijiet iridu jibdew jaqgħu biċċa biċċa u kważi kważi jsiru periklu għall-pubbliku qabel ma xi ħadd jindenja ruħu jibda jagħmel xi manteniment.

Ippjanar u għaqal

Dan it-tip ta’ manteniment ikun ifisser li l-affarijiet tista’ tgħid li jridu jsiru mill-ġdid. Imbagħad nerġgħu nibdew l-istorja mill-ġdid: kollox sabiħ li jitħalla biex jieħu ħsieb lilu nnifsu sakemm jispiċċa. Dan, fil-fatt, mhux manteniment jissejjaħ, imma traskuraġni.

Il-manteniment hu xi ħaġa, nifhem jien, li jrid isir kontinwament, mill-anqas darba kull sentejn. B’hekk l-affarijiet ma jispiċċawx biex jaqgħu biċċa biċċa jew jiddeterjoraw tant li jkollok tarmihom. Barra minn hekk, manteniment spiss jiġi jiswa ħafna anqas flus mill-kaxxa pubblika milli li l-affarijiet isiru mill-ġdid darba kull mitt qamar.

Jiena għandi nittama li din il-biċċa ta’ nuqqas ta’ manteniment mhijiex xi ħaġa ppjanta (biex forsi tagħmel il-flus lil xi ħadd li jipprovdi l-ġdid). Hi pjuttost aktar vizzju li jeħtieġ nikkoreġuh. Mhijiex diffiċli ħafna biex tifhem li kull ħaġa għandna bżonn lil min jieħu ħsiebha u dan regolarment.

Jeħtieġ biss ftit ippjanar u għaqal.

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?