Sunday, 11 September 2016

Il-bikja tas-Sirja

Il-gwerra fis-Sirja, li issa ilha għaddejja sa minn Marzu tal-2011, jiġifieri għal dawn l-aħħar ħames snin u fuqhom, hi eżempju ieħor—jekk qatt kellna bżonn ieħor—ta’ kemm ħsara tista’ ssir bl-indħil barrani imprudenti fil-ħwejjeġ interni tal-pajjiż.

Indħil barrani

L-Istati Uniti tal-Amerika, ir-Russja, l-Unjoni Ewropea u ċ-Ċina lkoll għandhom subgħajhom imdeffes f’din it-traġedja Sirjana. Sena ilu, skont il-Ġnus Magħquda ġie kkalkulat li kienu diġà nqatlu mal-250,000 ruħ (kwart ta’ miljun). Sal-lum, ħdax-il miljun kienu sfaw refuġjati, erbatax-il miljun ruħ jeħtieġu għajnuna umanitarja, u ħames miljun ruħ jinsabu abbandunati għal kollox mingħajr ebda għajnuna ta’ xejn minngħand ħadd.

Il-gwerra bdiet bħala rvell relattivament ċkejken, iżda li mbagħad kompliet tikber u tikber aktar ma daħlu fiha interessi li ma kellhom x’jaqsmu direttament magħha. Il-koalizzjoni li qed tmexxi l-Istati Uniti kontra l-gvern leġittimu Sirjan ta’ Assad (li tinkludi l-Gran Britannja u ’l Franza), għamlet aktar minn 10,500 attakk mill-ajru fuq pożizzjonijiet li suppost kienu militari, iżda li laqtu l-popolazzjoni ċivili bil-kbir.

Dawn l-attakki ma sarux biss fis-Sirja. 3,500 minnhom kienu hawnhekk tabilħaqq, imma 7,000 oħra kienu fl-Iraq. Dan għaliex l-indħil tal-koalizzjoni, bl-iskuża li ttajjar lil Assad, il-mexxej tas-Sirja, min-nofs, għandha skop aktar wiesgħa. Dan huwa li l-koalizzjoni ġġib lill-Iraq għarkobbtejha.

Unjoni tapari gallerija

Hekk hu. Gwerra li suppost qed issir biex twettaq ir-rieda tal-poplu Sirjan fit-tneħħija tal-gvern tiegħu, fil-fatt qed tiġi miġġielda biex tiddistabbilizza pajjiż ieħor: l-Iraq. Il-bikja kbira tas-Sirja qed issir kważi kważi għalxejn. Għax il-pajjiżi tal-koalizzjoni mhux fiha huma interessati, iżda f’ħaddieħor; trid lill-Iraq ma jibqax dominanti fil-Lvant Nofsani u, speċjalment, fuq il-bjar taż-żejt.

L-Unjoni Ewropea taparsi tilgħab gallerija. Tgħid li qed tibgħat biss għajnuna umanitarja fis-Sirja. Iżda dan hu biss mod ta’ kif tgħatti xturha. Sentejn ilu, l-Unjoni Ewropea ddeċidiet li ma tkomplix iżżomm lura l-bejgħ tal-armi lir-ribelli fis-Sirja u l-kumpaniji privati tal-pajjiżi tagħha bdew ifornu kemm jifilħu armi fl-idejn lil kulħadd addoċċ.

Dawn il-‘kulħadd’ jinkludu militanti Islamiċi li lanqas huma ma jinpurtahom mis-Sirja jew mill-poplu tagħha jew mill-vittmi tal-gwerra. Jinpurtahom mis-setgħa tagħhom biss u l-ħakma fuq ħaddieħor. L-Unjoni Ewropea, inkluż Malta permezz tal-gvern tagħha, b’hekk saret kompliċi għat-tkabbir tal-gwerra u għall-vittimizzazzjoni tal-poplu Sirjan u Iraqin.

Parti mill-ġerħa

Fl-Istati Uniti, waqt li qed issir il-kampanja elettorali sabiex jitla’ president ġdid f’Jannar li ġej (l-elezzjoni se ssir fil-bidu ta’ Novembru), ir-Repubblikan Donald Trump qed iwiegħed li jibdel il-politika ta’ pajjiżu (rappreżentata minn Obama, il-president attwali, u Hillary Clinton, il-kandidata tal-Partit Demokratiku). Trump irid li pajjiżu jħalli lil Assad bi kwietu u jikkonċentra minflok fuq il-militaristi Islamiċi.

Sadattant, ir-Russja u ċ-Ċina skjeraw ir-riżorsi militari u umani tagħhom fuq in-naħa ta’ Assad. B’hekk, reġa’ għandna replika tal-gwerer antiki tal-Gwerra l-Bierda li suppost spiċċat mal-ħamsa u għoxrin sena ilu. Il-blokok militari l-kbar jinsabu wiċċ imb’wiċċ għal darba oħra jiġġieldu għas-spejjeż ta’ ħaddieħor.

U l-paċi? Il-paċi xi ħadd qed jaħseb fiha? Din il-kelma reġgħet qisha qed issir antikwata; qisha xi ħaġa tal-imgħoddi. Donnha d-definizzjoni tagħha reġgħet intesiet. Suppost tfisser kooperazzjoni, żvilupp, għajnuna, djalogu. Imma l-kbar qishom ma jridux jafu biha.

Dnub li pajjiżna, għalkemm ċkejken, f’din il-bikja tas-Sirja huwa parti mill-ġerħa flok mid-duwa!


http://markmontebello.blogspot.com.mt/p/ebook.html

No comments:

Post a Comment

Top posts last 30 days

Top posts ever