Sunday, 4 September 2016

Il-viżitaturi Għawdxin f’Mater Dei

Huma ftit u rari l-Maltin li jkollhom joqogħdu qrib is-sodda ta’ xi ħadd li jkun rikoverat fl-isptar t’Għawdex. Bil-maqlub, huma ħafna aktar l-Għawdxin li jkollhom jagħmlu dan fl-isptar Mater Dei. Għalkemm din tidher ħaġa faċli u l-biċċa l-kbira tagħna ma naħsbux darbtejn fuqha, għall-Għawdxin li jkollhom jishru ma’ xi ħadd f’Mater Dei hi biċċa wġigħ ta’ ras kbira.

Żjajjar ta’ tbatija

Huwa spiss li pazjent Għawdxi, hu ta’ liema età hu, ikollu jgħaddi żmien twil jew qasir fl-Isptar Mater Dei. Biex ikollu lil xi ħadd minn Għawdex maġenbu f’dak il-mument diffiċli hemm tliet għażliet: jew li l-viżitatur joqgħod ġej u sejjer Għawdex kuljum; jew li l-viżitatur jgħix fis-sala tal-pazjent fuq peltruna sakemm iħalluh l-uffiċjali tas-sala jew tal-isptar; jew li jikri xi flett xi mkien madwar Malta sakemm il-pazjent idum l-isptar.

Ħafna drabi, hi t-tieni għażla li tkun l-aktar ‘konvenjenti’ (li ma hi konvenjenti xejn). Jien iltqajt ma’ Għawdxin li kellhom jagħmlu dan għal ftit tal-jiem u ltqajt ma’ Għawdxin li kellhom jagħmlu dan għal xhur sħaħ. Xhur! Il-Maltin li għalihom dan l-inkonjenzent serju ma jeżistix, bil-kemm jistgħu jifhmu d-diffikultà, l-iskumdità u t-tbatija li dan joħloq għall-viżitaturi Għawdxin.

Xejn faċilitajiet

Immaġina. Ikollok tissospendi ħajtek, mhux għal żjara kuljum ta’ ftit sigħat, imma għal erbgħa u għoxrin siegħa kuljum b’mod totali. Dan waħdu diġà joħloq diffikultajiet kbar. Ikollok tirranġa ma’ tax-xogħol biex b’xi mod taqdi dan dmirek fl-isptar. Ikollok tħalli, jekk ikollok, lir-raġel/mara tiegħek, jekk mhux ukoll it-tfal. Ma’ dan kollu, ikollok tgħix qisek xi refuġjat bla art, bla dar u maqtugħ minn kulħadd. Biex ma nsemmux l-ispejjeż konsiderevolment kbar li dan kollu jimplika u jdaħħlek fih.

Il-fatt hu li f’Malta sempliċiment ma jeżistux faċilitajiet għal Għawdxin li jkollhom bżonn joqogħdu qrib is-sodda ta’ xi ħadd li jkun rikoverat fl-isptar Mater Dei. La fl-isptar innifsu u lanqas lil hinn minnu. Il-gvern sempliċiment ma jaħsibx għal dawn in-nies. L-Għawdxin li jkollhom jagħmlu dan, mhux għax iridu, b’xi kapriċċ, imma għall-bżonn assolut, huma mħollija għal riħhom u jridu jaqdfu għal rashom.

Faċilitajiet b’xejn

Skont m’assigurani ċ-Chief Executive Officer ta’ Mater Dei, is-Sur Ivan Falzon, permezz tal-Ministeru tas-Saħħa, ma teżisti ebda faċilità f’Mater Dei li taħseb għall-Għawdxin viżitaturi. Mhux biss għal dawk li jkollhom joqogħdu Malta fit-tul, iżda lanqas għal min jiġi għal ġurnata. Dawn huma meqjusa bħallikieku kienu viżitaturi bl-istess kundizzjonijiet ta’ ħajja tal-viżitaturi Maltin, meta dan assolutament mhuwiex il-każ.

Għandu jkun hemm parti riservata minn Mater Dei li toffri kumditajiet bażiċi lill-Għawdxin li jridu joqgħodu l-isptar tul ġurnata kollha u wkoll għal dawk li jkollhom bżonn joqogħdu aktar fit-tul, fuq medda ta’ jiem, ġimgħat u possibbilment anki xhur. Jista’ jkun hemm xi ħaġa simili ’l barra mill-isptar li joffri l-istess faċilitajiet. Dawn ikunu mingħajr ebda ħlas. Saħħa b’xejn għall-pazjent m’għandhiex tfisser spejjeż għall-viżitaturi.

Dmir il-gvern

Huwa dmir il-gvern, kif ukoll tal-isptar innifsu, li joħloq skemi u faċilitajiet li jaħseb għal dan. Il-viżitaturi Għawdxin f’Mater Dei għandhom bżonnijiet partikulari u speċjali, u ma jistgħux jiġu ttrattati bħall-viżitaturi Maltin, li m’għandhom xejn mill-problemi li għandhom l-Għawdxin biex iżuru l-pazjenti l-isptar.

L-Għawdxin mhumiex ċittadini tas-sekonda klassi.


4 comments:

  1. Naqbel mieghek li ghandu jkun hemm servizz ahjar. Jien milnix kelli nqum kuljum fil-hamsa ta' filghodu biex naqdi d-dmirijiet tad-dar u wara naqbad il-vapur tat-8.15 am. Kont nasal ghall xi 10.30 / 11.00am l-isptar ghax kont noza tal-linja peress li jien ma nsuqx, nitlaq ghall xi 3.00pm mill isptar u qabel is-6/7.00pm ma kontx nasal id-dar. Kelli ir-ragel hemm ghall ftit aktar minn gimgha. Dan ghamiltu ta' kuljum u fix-xitwa, nitlaq mid dar fid-dlam u nasal id-dar fid-dlam. Nixtieq nghid li jiena qrobt is-sittin u ma ghadnix xi Spring Chicken myself. U iva l-ispejjes kienu wkoll ghax biex tiekol dejjem mill-canteen ta' l-isptar kienet tigini spiza. Haga li ghall bzonn taghmilha zgur, imma sewwa li jkun hemm xi arrangamenti ghall bzonnijiet simili bhall tieghi.

    ReplyDelete
    Replies
    1. Nifhem is-sitwazzjoni tiegħek. Ma naħsibx li int waħdek. Tagħmel tajjeb jekk taqbad l-artiklu tiegħi, tagħmel ittra magħha b'dak li għedt hawn fuq, u tibgħatha lill-Ministru.

      Delete
  2. This comment has been removed by the author.

    ReplyDelete
    Replies
    1. waqt li nissipatizza kemm niflah ma l-ghwdxin irrid nghid li jien kelli esperjenza qarsa meta kien ser imut l-ahhar partner li kelli. dispjecir kbir ghandi li l-professur li hareg ghonqu biex jghini jekk narah ma narfux ghax tant kien mument ta stress li ma irregistrajt l-ebda informazzjoni fuqu. jekk qed jaqra din in-nota u jigi fiha min jen nitolbu jahfirli u niehu pjacir hafna jekk jikkuntatjani. il-wicc nista ninsih imma ghazjoni tajba ma ninsiex malar.



      Delete