Qerq bit-turist

Ma tantx jagħtu fil-għajn. Lanqas ma jissemmew wisq fl-aħbarijiet. Ftit jaffettwaw direttament lil xi ħadd minna. Qajla nisimgħu bihom mingħand ħadd. Iżda r-realtà qiegħda hemmhekk: turisti li, wara li nilqugħhom għandna, inqarrqu bihom. Xi kultant, meta taqbad diskussjoni ma’ xi wħud mit-turisti, jew tkellem lil xi ħadd li għamel dan, issib li xi wħud mill-Maltin u l-Għawdxin ma jiddejqux iqarrqu bit-turisti bħallikieku kienu nies li jistħoqqilhom l-isfruttament.

Turisti misruqa

Għalkemm dan hu fenomenu li qajla jissemma, spiss tisma’ privatament lil min kien xhud ta’ qerq li jsir bit-turisti. Dan mhuwiex sew. Lill-barranin li jsuru xtutna għandna dejjem nirrispettawhom u naraw li l-mawra tagħhom fosthom ma tinbidilx f’waħda ta’ wġigħ il-qalb. Sfortunatament, iżda, mhux dejjem hu hekk.

Il-qerq li jidher li jsir bit-turisti jkun ta’ diversi għamliet. Skont statistika tal-pulizija li tista’ tindikalna dawn l-għamliet, l-aktar prevalenti (madwar 90%) huwa s-serq li jsir lit-turisti. Imbagħad, f’għadd ferm anqas, ikun hemm offiżi sesswali, ħsarat lill-proprjetà tagħhom, ġerħat fuq il-persuna fiżika tagħhom, u theddid bi vjolenza privata.

Minħaba li s-serq lit-turist jidher li huwa bil-wisq l-akbar qerq li jsir, tajjeb li wieħed jara minfejn isir dan. L-akbar għadd ta’ serq lit-turist jidher li jsir (madwar 30%) mil-lukandi. Wara dan, f’għadd ferm anqas, it-turisti jinsterqu mill-appartamenti temporanji li jikru, mill-ħwienet li jmorru jixtru fihom, mit-takxijiet u l-karozzi tal-linja, minn fuq ix-xtajtiet, permezz ta’ ‘snatch and grab’, u mill-ajruport.

Misruqa mill-ħwienet

Jekk wieħed jara daqsxejn s-serq li jsir lit-turist mill-ħwienet fejn imorru jixtru, inkluż tax-xorb, wieħed jara li l-akbar għadd ta’ dan is-serq jidher li jsir fir-resoranti, imbagħad, f’għadd anqas, mis-swali taċ-ċinema u mis-swieq miftuħa.

Fost it-turisti li jżuruni, jidher li l-aktar li jaqgħu vittma tal-qerq ta’ xi wħud mill-Maltin u l-Għawdxin huma turisti nisa. Jidher li, fost it-turisti vittmi kollha, l-aktar (in-nofs) li jiġu vittimizzati huma dawk ta’ bejn is-26 u l-45 sena. L-etajiet l-oħra, mid-dehra, huma fortunatament ippreferiti anqas.

Interessanti li madwar tliet kwarti biss tat-turisti vittimizzati jfittxu li jingħataw għajnuna mill-awtoritajiet. Il-bqija jidher li jgħodduha bħala waħda u jibqgħu jgħixu ħajjithom (aktarx bi ftit tgergir). Ovvjament, l-aktar li jfittxu huma lill-pulizija jew, jekk f’lukanda, lis-sid tal-post. Xi wħud jersqu lejn l-insurance u oħrajn l-isptar. Anqas minn nofs it-turisti vittimizzati jidher li jagħżlu li jagħmlu rapport uffiċjali.

Il-biċċa l-kbira tat-turisti vvittimizzati mill-Maltin jidhru li jibqgħu jodisfatti mill-għajnuna li jingħataw. Iżda madwar kwart minnhom le. Xi wħud igergru li s-sorvelja fuq il-postijiet fejn it-turisti jiġu vvittimizzati hija dgħajfa jew non-eżistenti.

Rappreżentanti

Dawn huma biss indikazzjonijiet ta’ kif u fejn xi wħud mit-turisti li jżuruna jaqgħu għall-qerq ta’ xi Maltin u Għawdxin. Għalkemm l-għadd tagħhom jista’ ma jkunx kbir ħafna, fortunatament, xorta waħda mhuwiex sew. It-turist mhuwiex oġġett ta’ sfruttament, anki jekk xi wħud jipprovaw joborxuhom kemm jista’ jkun.

Turist b’esperjenza ħażina huwa aktar imħajjar ma jersaqx lil hawn aktar u jagħmlilna reklam ħażin. Iżda l-kunsiderazzjoni finanzjarja biss mhijiex biżżejjed. Hemm ukoll il-lat etiku u morali. Li tqarraq b’ħaddieħor hu dejjem ħażin, daqskemm hu dejjem ħażin tinqeda b’nies li jafdawk tagħmillhom dannu.

Jien ftit nisma’ bl-etika u l-moralità li għandhom joqogħdu għaliha n-nies li jittrattaw mat-turisti. Jiddispjaċini meta nisma’ b’qerq li jsir bit-turist minn nies li jirrappreżentaw lil kull wieħed u waħda minna u, fuq kollox, jirrappreżentaw lil pajjiżna. Suppost dawn jafu aħjar.


Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?