Il-ktieb ħabib ta’ veru

Din il-ġimgħa ħu ħsieb li żżur il-Festival tal-Ktieb fiċ-Ċentru tal-Mediterran, il-Belt. Ħajjar lil ħbiebek u ’l uliedek għaliha, għax kulmin iħobb il-ktieb, iħobb ukoll il-maturità tal-bniedem u l-ħelsien ta’ ruħu. Min ma jaqrax hu magħluq — f’moħħu, f’qalbu u f’ħajtu.

Letteratura

Ġimgħatejn ilu, id-dinja letterarja baqgħet imdarrsa meta l-Premju Nobel tal-Letteratura ta’ din is-sena ngħata lill-kantant Amerikan Bob Dylan. Għal min hu midħla ta’ dan il-kantant, magħruf l-aktar fis-sittinijiet u s-sebgħinijiet tas-seklu l-ieħor, jaf li Dylan hu kantant u, jekk trid, poeta ta’ ħila konsiderevoli. Iżda letteratura, fis-sens ordinarjament mifhuma din il-kelma, ma ħoloq xejn.

Meta nitkellmu fuq letteratura aktarx ikollna f’moħħna ġeneru ta’ kitba speċifiku u eżatt. Il-letteratura tirreferi għal xogħolijiet ta’ proża li għandhom siwi artistiku għoli jekk mhux ukoll dejjiemi. Il-letteratura fiha nnifisha tħaddan għadd ta’ oqsma iżgħar, bħall-kitba għat-teatru, ngħidu aħna. Iżda bħala ġeneru hi differenti għal kollox mill-ħolqien tal-poeżiji, l-għanjiet, l-għana u kitbiet oħra ta’ din ix-xeħta.

Bob Dylan jista’ jistħoqqlu, flimkien ma’ ħafna u ħafna oħrajn, kull tifħir bħala kantant u, jekk trid, bħala poeta. Iżda mhux bħala kittieb tal-letteratura. L-Akkademja Żvediża tal-Premji Nobel din id-darba żelqet fin-niexef. Din ma kinetx l-ewwel darba li ġralha hekk, u mhux fil-qasam tal-Letteratura biss.

Esperjenza

Il-Festival tal-Ktieb hi festa għal kull tip ta’ kitba, kemm ta’ poeżija kif ukoll ta’ proża. Hi ċelebrazzjoni tal-ktieb, hu ta’ liema sura hu, hu ta’ liema qies hu, hu ta’ liema ħolqien u tnebbiħ artistiku hu. Imbasta ktieb.

F’dawn l-aħħar snin, dan il-Festival (li qabel kien jissejjaħ Fiera) kiber mhux ħażin. Biss biss, illum, bil-ħidma iebsa tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, reġgħu bdew jieħdu sehem kittieba u aġenziji tal-kotba barranin. Aktar ma l-Festival ikollu rappreżentanza minn pajjiżi differenti tad-dinja, aktar jikbru l-kwalità u s-sinifikat tiegħu.

Il-Festival ukoll sar attività ta’ dinamiżmu, moviment u interazzjoni. Ma baqax biss wirja tal-kotba, qisu xi suq igglorifikat. Sar attività ta’ attivitajiet. Dan hu s-sabiħ tiegħu. Kuljum, filgħodu u filgħaxija, għal erbat ijiem sħaħ, wieħed isib xi ħaġa li qed tiġri, xi interess li qed jiġi ċċelebrat, xi laqgħa wiċċ imb’wiċċ li qed tiġi proposta. Il-Festival sar esperjenza.

Ħolqien

Il-Festival tal-Ktieb jibda nhar l-Erbgħa, 9 ta’ Novembru, u jintemm il-Ħadd ta’ wara, it-13 tax-xahar. Il-programm sħiħ tiegħu qed jitferrex mal-gazzetti ewlenin, u tista’ ssibu wkoll fuq l-Internet (www.ktieb.org.mt).

L-importanti hu dan: li l-poplu tagħna jaqra u jaqra dejjem aktar; li t-tfal u ż-żgħażagħ tagħna, flimkien mal-adulti, jaqraw. Għażla għandhom kemm trid. Int, jekk għandek ulied, jekk għandek in-neputijiet, ħabbibhom mal-kotba. Din hi waħda mill-isbaħ tagħlimiet li tista’ tagħtihom. Il-ktieb jiftħilhom moħħhom, iqanqlilhom il-ħsieb, ilaqqagħhom mad-dinja u jagħti lil ruħhom il-ġwienaħ.

Poplu li ma jaqrax hu poplu magħluq, ikrah u perikoluż. Hu poplu injorant; poplu fqir; poplu miftuħ għall-abbuż. Poplu li jaqra hu poplu li ħatt il-fruntieri li jifirdu l-bnedmin biż-żmien u l-ispazju, li bena l-pontijiet tal-ħsieb, il-ħbiberija u l-fehma bejn il-ġnus, u nqabad fil-ġmiel tal-ħolqien li l-Kelma biss tista’ tnissel u twelled.

Għalhekk, tħallix din l-opportunità sabiħa taħrablek. Dan l-appuntament ta’ darba f’sena hu għalik daqskemm hu għal kulħadd ieħor. Fil-Festival hemm dinja tistenniek. Mur iltaqa’ magħha!

Jien se nkun hemmhekk ukoll.


Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?