Sunday, 27 November 2016

L-eċċentriċi tad-dinja

Teknikament, meta ħaġa tissejjaħ ‘eċċentika’ jkun ifisser li l-fus tagħha ma jkunx eżatt fin-nofs kif aktarx għandu jkun. Soċjalment, insejħu ‘eċċentriku’ bniedem li, għal xi raġuni jew oħra, huwa kemxejn stramb jew li għandu aġir, drawwiet jew personalità xi ftit jew wisq kurjuż. Għal bniedem hekk, bil-Malti għandna espressjoni li hi ftit aktar kulurita; ngħidu fuqu li għandu Alla għalih!

Ħobbu jew obogħdu

L-eċċentriċi huma l-aktar nies interessanti tad-dinja. Ma jagħmlux l-affarijiet kif jagħmilhom ħaddieħor. Huma qishom nies li qed jgħixu f’realtà tagħhom. Donnu ħsiebhom ma jinħakimx kif ġieb u laħaq mid-drawwiet ta’ madwarhom. Jagħmlu l-affarijiet kif jagħtihom moħħhom, ħafna drabi mingħajr konsistenza u bla ma tista’ tieħu kopja tagħhom.

Bosta drabi ssib li l-eċċentriċi huma nies ta’ weħidhom. Għalkemm għandhom il-ħbieb, mhux il-ħbieb jagħżlu lilhom imma huma jagħżlu l-ħbieb. U dan aktar ma jagħmluhx milli jagħmluh. Il-ħbieb tagħhom huma magħżula ferm, u aktar dawn jintagħżlu mhux għal xi vantaġġ li jista’ jinkiseb fil-preżent jew fil-ġejjieni, imma biss għas-sbuħija tal-kumpanija tagħhom.

L-eċċentriku la huwa egoist, la rasu iebsa, la mhedi bih innifsu u lanqas ma jkun irid li dejjem tgħaddi tiegħu. Huwa aktarx bniedem li jaħsibha sew, jagħżel dak li l-aktar jappellalu, u ma jagħtix wisq siwi ’l dak li jgħid ħaddieħor fuqu. Lanqas ma jfittex li ‘jbigħ’ lilu nnifsu jew jogħġob lil ħaddieħor. Ħaddieħor irid jew iħobbu jew jobogħdu. Biċċa tiegħu. Iżda l-eċċentriku, fil-fatt, la jinportah minn waħda u lanqas mill-oħra.

Ebda approvazzjoni

Hawn soċjetajiet fejn lill-eċċentriċi japprezzawhom aktar minn oħrajn, u saħansitra jinkoraġġixxu l-eċċentriċità. Is-soċjetajiet Britanniċi, ngħidu aħna, jidhirli li huma xi wħud minnhom. Bil-kontra, hawn soċjetajiet li l-eċċentriċi jqisuhom bħala speċi ta’ nies nofshom imġienen. Aktarx fost dawn issib is-soċjetajiet Maltin.

M’għandniex xi ngħidu, għall-eċċentriċi nfushom dan ma jagħmilx wisq differenza. Filwaqt li l-imġienen (li huma prattikament dejjem eċċentriċi) ibatu bil-kundizzjoni eċċentrika tagħhom, l-eċċentriċi li mhumiex imġienen mhux talli ma jbatux iżda huma kuntentissmi fl-eċċentriċità tagħhom. Ċerti psikologi jsostnu li l-eċċentriċi għandhom tendenza anqas li jiġġennu mentalment minn nies li mhumiex eċċentriċi.

Dan hu kważi ovvju. Għax filwaqt li dawk li mhumiex eċċentriċi jħallu d-drawwiet tas-soċjetà ta’ madwarhom tagħfas fuqhom u tinfluwenzahom, l-eċċentriċi dan ma jagħmluhx. Għal dawn, is-soċjetà tista’ tmur tixxejjer. Fuq kollox, ma jqisu xejn l-approvazzjoni jew id-diżapprovazzjoni tagħha. Tagħmel li trid.

Personalità sabiħa

Aktarx l-akbar kwalità pronunzjata tal-eċċentriċi hija l-imprevidibbiltà tagħhom. Bil-Malti ngħidu: ma teħdilhom kopja. L-istess ħaġa ma jagħmluhx l-istess il-bieraħ, illum u għada. Il-bieraħ mod, illum mod ieħor u għada mod ieħor. Jagħmlu kif jgħidilhom moħħhom f’dak il-mument. Jista’ jkun li hu għalhekk li soċjetajiet magħluqa jew konservattivi jaraw l-eċċentriċi bħala theddida għalihom. Għax ma jagħrfux kif se jġibu ruħhom jew kif għanhom jittrattaw magħhom b’mod xieraq.

Bosta eċċentriċi ssibhom kreattivi, idealisti, kurjużi, spiss ossessjonati b’li jħobbu jagħmlu, konxji li huma differenti, intelliġenti, jgħidu li jħossu, kuntenti li jkunu f’minoranza, għandhom spiss sens ta’ umur kattiv, mhux miżżewġa (min iridhom?) u jsibu diffikultà jobdu u jikkmandaw. Dawn huma xi wħud mill-kwalitajiet li l-psikologi jsibu l-aktar fl-eċċentriċi.

Jista’ jkun li l-akbar sbuħija fl-eċċentriċità hija s-saħħa mentali li spiss issib f’min għandu din il-personalità. Għalkemm tista’ ddejqu, ħaddieħor irid japprezzaha u jaċċettaha kif inhi. Wara kollox, aktar hu minnu li l-fus ma jkunx eżatt fin-nofs kif aktarx għandu jkun.


_______________________

Xbieha: Pittura ta’ Danny O’Connor (2012).


No comments:

Post a Comment

Top posts last 30 days

Top posts ever