Ħelsien u Jeddijiet

Il-bniedem li jitteħdulu l-jeddijiet tiegħu, jitteħidlu wkoll il-ħelsien. Bniedem bla jeddijiet hu bniedem bla ħelsien. Jista’ pajjiżu jkun ħieles; hu ma jkunx. Il-bniedem mingħajr ħelsien hu wieħed misruq, imċekken u umiljat. Illum, meta s-suq ħieles jiġi paxxut saħansitra minn gvernijiet tax-xellug, inkluż soċjalisti, il-bniedem jitteħidlu l-ħelsien għax il-jeddijiet tiegħu mnaqqrin. Suq ħieles akbar ifisser biss ħelsien anqas għal kulħadd.

Suq ħalliel

Il-ħelsien hu l-jedd li tagħżel. Meta bniedem hu ħieles, jagħżel x’irid ikun, kif jgħaddi ħajtu, x’għamla jagħtiha, x’xogħol jagħmel, kif iqatta’ ħinu, kif għandu jkun il-ferħ tiegħu, u l-bqija. Bniedem bħal dan ma jiġix imġiegħel jagħmel għażliet li ma jridx jew jagħżel affarijiet li ma jħobbx. Bniedem ħieles hu wieħed awtonomu fl-għażliet tiegħu.

Is-suq ħieles, imrewwaħ mill-filosofija neoliberali, ma jħalli lil ħadd awtonomu. Irid jiddetta—u fil-fatt hekk jagħmel—lil kulħadd kif jgħix ħajtu, kif iqatta’ ħinu, x’għandu jkun ix-xogħol tiegħu, u l-bqija. Is-suq ħieles taparsi jħobb il-ħelsien. Iħobbu biss għalih innifsu. Mill-bqija, irid lil kulħadd skjav tiegħu; jagħmel dak li jgħid u jiddetta hu.

Aħna, li ngħixu f’soċjetà relattivament żviluppata, ninsabu mġiegħla nagħmlu għażliet li ma rriduhomx. Is-suq ħieles jitfagħna dejjem f’rokna biex nagħmlu dak li jrid hu skont il-kilbiet tiegħu. Lanqas meta naħsbu li qed nagħmlu għażliet ħielsa, fil-fatt ma nkunu ħielsa fl-għażliet tagħna. L-indottrinazzjoni tas-suq ħieles jara li nimxu biss fejn tgħidilna hi.

Il-jedd tad-definizzjoni

Il-ħelsien personali u individwali li s-suq ħieles jisirqilna jitnaqqsilna minħabba li l-jeddijiet tagħna, ta’ bnedmin bid-dinjità tagħna, jitnaqqulna. Ngħidu aħna, il-jedd li naħdmu f’impjieg li jixirqilna jew li jogħġobna, li naħdmu kemm irridu aħna, li norganizzaw ħajjitna kif jidhrilna l-aħjar ...; li nkun, fi ftit kliem, sidien tagħna nfusna u tal-ġejjieni tagħna.

Imma sidien m’aħniex. Aħna mġiegħla nobdu d-dettami tas-suq ħieles. Dan ma jirrispetta lil ħadd, allavolja jkunu qegħdin iservuh u jaqduh mill-koxxa. Jirrispetta biss lilu nnifsu u l-liġi waħdanija tiegħu hi dik tal-kilba għall-flus. Għall-flus, is-suq ħieles jagħmel kollox, jgħaddi fuq kulmin irid, joqtol u jgħajjex lil min irid.

L-aktar jedd għażiż li jeħdilna s-suq ħieles hu l-jedd li niddefinixxu lilna nfusna kif jidhrilna l-aħjar. Imma s-suq ħieles iżomm għalih dan id-dritt. Anzi, seraq għalih innifsu dan id-dritt. Huwa hu li jgħid aħna, kull wieħed u waħda minna, x’definizzjoni għandna nagħtu lilna nfusna. Jikkmandana wkoll f’din l-aktar ħaġa fundamentali tal-personalità tagħna.

Skjavi kuntenti

Aħna nagħidu li aħna nies ħielsa, li aħna poplu ħieles. Tabilħaqq, ingawdu oqsma ta’ ħelsien aktar minn ħafna popli u nies oħra. Imma b’daqshekk ma jfissirx li m’għandniex oqsma oħrajn ta’ ħelsien li ġew misruqa minna. Dawn huma oqsma li popli u nies oħra li jistgħu ma jgawdux l-istess ħelsien politiku u ċivili daqsna kapaċi għadhom iħaddnu u jgawdu.

Aħna, li s-suq ħieles invada kull parti ta’ ħajjitna u tal-personalità tagħna, jiġifieri nvada u seraq sa l-ħsieb tagħna u l-għamla ta’ ħsiebna, ninsabu miżmuma fil-jasar tiegħu. Jeddijietna—jiġifieri dawk li jiggarantixxu l-possibbiltà tagħna ta’ għażla f’ħafna oqsma bażiċi tal-personalità tagħna—itteħdulna. Is-suq ħieles seraqhomna biex jimmanipulahom kif irid hu.

X’inhu jiġri? Qed jiġri li, aktar ma nsiru parti minn dan is-suq ħieles bin-neoliberaliżmu tiegħu, aktar jinsterqulna jeddijiet u anqas ninsabu ħielsa. Fi kliem ieħor, aktar ma nsiru ‘ċivilizzati’, anqas aħna.

Għalkemm hu preferibbli li tkun skjav kuntent milli skjav imdejjaq, l-aħjar hu li ma tkun skjav xejn.

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?