Sunday, 25 December 2016

Il-Milied li jgiddeb

Il-Milied hu l-ewwel u qabel kollox festa tal-insara. Iżda aktarx li huma l-insara l-ewwel li jgiddbuh. U hu jgiddeb lilhom.

L-istituzzjoni ewlenija tal-insara f’Malta u Għawdex, dik li tirrappreżentahom u dik li lilha jirrappreżentaw, jiġifieri l-Knisja Kattolika, mhijiex bħall-Knisja Kattolika f’ħafna nħawi barra mill-gżejjer Maltin. Hawnhekk donnu għandna Knisja għalina. Kulħadd jarah dan. Iżda ftit li xejn jistqarruh.

Il-Milied, jekk xejn, ifakkarna fil-fondoq kbir li hemm bejn il-waħda u l-oħra. Wieħed wara l-ieħor, dawk li jirrappreżentaw ir-ras tax-xirka afdata f’idejhom ma jagħmlu xejn li xejn biex ireġġgħu x-xirka lejn l-ideali l-kbar tagħha. U l-Milied ifakkarna f’dawk l-ideali. Bil-kontra, aktarx ibegħduha dejjem aktar u aktar.

Il-Milied hu festa ta’ faqar. U x’għandna hawnhekk? Xirka sinjura.
Il-Milied hu festa ta’ umiltà. U x’għandna hawnhekk? Xirka kburija.
Il-Milied hu festa ta’ ħniena. U x’għandna hawnhekk? Xirka li taħfirx.
Il-Milied hu festa ta’ qima. U x’għandna hawnhekk? Xirka li tqim lilha nnifisha.
Il-Milied hu festa ta’ qadi. U x’għandna hawnhekk? Xirka li taqdi biss lilha nnifisha.
Il-Milied hu festa ta’ nies bla setgħa. U x’għandna hawnhekk? Xirka ta’ kontroll klerikali.
Il-Milied hu festa ta’ silenzju. U x’għandna hawnhekk? Xirka kollha paroli.
Il-Milied hu festa ta’ kulħadd. U x’għandna hawnhekk? Xirka settarja.
Il-Milied hu festa ta’ inklużjoni. U x’għandna hawnhekk? Xirka li teskludi.
Il-Milied hu festa ta’ tolleranza. U x’għandna hawnhekk? Xirka ġudikanti.
Il-Milied hu festa ta’ ugwaljanza. U x’għandna hawnhekk? Xirka ta’ sidien u mmexxija.
Il-Milied hu festa rżina. U x’għandna hawnhekk? Xirka ta’ tbaħrit sajfi.
Il-Milied hu festa ta’ sempliċità. U x’għandna hawnhekk? Xirka ta’ ċerimonjaliżmu.
Il-Milied hu festa ta’ awtentiċità. U x’għandna hawnhekk? Xirka ta’ artifiċjalità.
Il-Milied hu festa ta’ għera. U x’għandna hawnhekk? Xirka bombastika.
Il-Milied hu festa ta’ bla flus. U x’għandna hawnhekk? Xirka ta’ mammona.
Il-Milied hu festa ta’ ħelsien. U x’għandna hawnhekk? Xirka li tkattar l-isfruttament.
Il-Milied hu festa ta’ naturalità. U x’għandna hawnhekk? Xirka ta’ pożi.
Il-Milied hu festa ta’ provokazzjoni. U x’għandna hawnhekk? Xirka kompjaċenti.
Il-Milied hu festa ta’ ġustizzja. U x’għandna hawnhekk? Xirka kompliċi.
Il-Milied hu festa ta’ djalogu. U x’għandna hawnhekk? Xirka impożizzjonijiet.
Il-Milied hu festa spiritwali. U x’għandna hawnhekk? Xirka materjalista.
Il-Milied hu festa altruwista. U x’għandna hawnhekk? Xirka kapitalista.
Il-Milied hu festa ta’ fidwa. U x’għandna hawnhekk? Xirka li tilfet it-triq.

Kemm hi sabiħa dix-xirka kif riedha Alla! Kemm xejn ma joqgħod ħdejha! Kemm xejn ma jħabbatha magħha! X’xirka mill-aktar perfetta! X’tama tnissel fil-qalb ta’ kull mitluf! X’dar mill-aqwa tiftaħ għall-imwarrab! X’ħajt ta’ kenn tgħolli għall-imġarrab! Xi ħbiberija tifrex għall-bnedmin!

O Milied ħelu li tħammrilna wiċċna, o Milied tal-akbar safa, o Milied li tgiddibna, qawwi qlubna dgħajfa biex jitgħallmu jkunu bħalek; għallimhom iħobbu dak li tħobb int u jobogħdu dak li tobgħod int; semmgħalhom il-leħen sieket tiegħek, għax fejn hemm Kelmtek imqaddsa, it-triq ma tintilifx; fejn hemm in-Nifs qaddis tiegħek, il-ħajja ma titnikkitx; kif tibniha int, ix-xirka ma taħqarx.

Agħtina, o Hu l-aktar kbir u l-aktar qawwi, il-qima perfetta tal-Milied!

No comments:

Post a Comment