Sunday, 11 December 2016

Il-valuri ta’ bniedem

Illum bniedem ma jiġix irrispettat għal xi stat ta’ ħajja li jista’ jkollu jew għal xi uffiċċju, għoli kemm hu għoli, li jżomm. Lanqas ma jiġi rrispettat għal xi valuri li jħaddan. Wisq anqas jiġi rrispettat għal xi kliem li jgħid. Jiġi rrispettat biss għall-valuri li jgħix. Għalkemm mhux dejjem kien hekk, jidhirli li din hi ħaġa bil-wisq xierqa.

Rispett mistħoqq

Kulħadd jaf iparla. Kulħadd jista’ jilħaq f’xi uffiċċju jew ieħor ta’ importanza. Kulħadd jista’ jkollu xi konvinzjoni ta’ ġieħ. Iżda l-paroli ma jagħmilx nies. Lanqas l-uffiċċji għolja. Lanqas il-fehmiet, sbieħ kemm huma sbieħ. L-aktar elokwenti huma l-għemejjel. Dawn biss juru l-bniedem x’inhu. Mill-fatti tiġġudika bniedem.

Qabel, qisu sas-snin sebgħin, bejn wieħed u l-ieħor, fil-gżejjer Maltin kellna l-użanza li l-istat ta’ ħajja ta’ bniedem, l-uffiċċju li seta’ kellu jew il-pożizzjoni li jżomm fis-soċjetà, kienu jiġbdu r-rispett ta’ ħaddieħor. Dawn kienu biżżejjed. Iżda m’għadhomx. Illum dawn l-affarijiet jitqiesu paraventu ta’ ftit valur.

Din il-bidla kbira aktarx bdiet, għall-anqas fil-kontinent Ewropew, fl-Ewwel Gwerra Dinjija, meta l-awtoritajiet tal-istati wrew li kienu nies mhux ta’ min jafdahom. Bejn wieħed u l-ieħor fl-istess żmien, inħoloq sentiment qawwi anti-klerikali li kixef l-elf miljun għelt tal-kleru u t-tnawwir tiegħu. Minn hawn beda proċess li wieżen mill-ġdid għala bniedem ikun jistħoqqlu li jinżamm fir-rispett.

Dandin fieragħ

Illum jgħodd dak li bniedem jipprattika, u hekk hu xieraq. Huwa għemilu li jiġbed ir-rispett. Għemilu biss jitqies bħala l-espressjoni vera tal-valuri tiegħu. Mill-bqija, bil-paroli biss, bl-onorifiċenzi biss, bit-titli politiċi jew akkademiċi biss, mhemmx biżżejjed sustanza biex bniedem tirrispettah.

Għax il-bniedem mhux minn dak li jgħid tista’ tiġġudikah, jew għax hu mlaħħaq, jew għax jinżamm fuq wiċċ l-idejn min-nies tas-setgħa. Le. Tista’ tiġġudika tabilħaqq dak li hu, xi stoffa hu magħmul minnha, x’sinsla ta’ dahar għandu, minn dak li jagħmel fil-prattika.

Il-bniedem għandu ħafna modi kif taparsi juri dak li mhuwiex. Daqqa jiddandan bil-flus, daqqa bis-setgħa, daqqa bil-paroli, daqqa bit-titli wara jew qabel ismu, daqqa bil-ġlekk ... Imma n-nies illum m’għadhiex belha. In-nies illum jafu li, bid-dandin tiegħu kollu, bniedem juri x’kwalità għandu meta hu lest li jipprattika dak li jgħid. Jekk il-fatti konkreti juru li hu bniedem ta’ fehmiet sħaħ u ta’ kliem sod, allura, iva, jinżamm fir-rispett. Jekk le, jitqies talli hu: biċċa pulċinell li ma jiswiex ħabba.

Valuri mgħajxa

Ir-rexti ta’ bniedem ma jagħmlux quqija rġulija. Mara ma turix x’inhi jekk mhux b’għemilha. L-għemil ma jigdibx. Jista’ jkun hemm għemil li jipprova jqarraq; li juri ħaġa b’oħra. Iżda għal min iħares mill-qrib dan il-qerq ma jorbotx. Illum jew għada, bniedem jinkixef jekk għemilu huwiex ġej mill-qalb jew le.

Illum xi wħud jgħidu li m’għadx fadal wisq rispett lejn l-awtorità. Dan għax l-awtorità weħidha ma tagħmilx nies. Kemm-il darba l-awtorità ġiet abbużata biex taħbi s-sura vera ta’ min iħaddanha daqskemm biex tinqeda b’ħaddieħor u tagħmel il-ħsara. Le, l-awtorità weħidha ma jistħoqqilhiex rispett uman.

Ir-rispett jistħoqq biss lil min bil-fatti juri li hu raġel jew mara. Huma l-fatti li jgħoddu għall-kisba tar-rispett. Urini x’tagħmel u ngħidlek min int. Paroli mingħajr fatti, awtorità mingħajr fatti, titli mingħajr fatti, uffiċċji mingħajr fatti, ma jgħoddu xejn. Kulħadd jista’ jkollu minnhom dawn.

Imma l-għemejjel tal-prattika le. Il-bniedem minn hawn juri kemm ħsiebu u kliemu huma xierqa, sħaħ u ta’ ġieħ. Huma l-valuri mgħajxa biss li jistħoqqilhom rispett.

No comments:

Post a Comment

Top posts last 30 days

Top posts ever