L-intelletwali tax-xellug

Ix-xellug ma jagħmilx differenza bejn intellettwali u attivisti. Kull attivist hu intellettwali u kull intellettwali attivist. Fil-prattika llum issib ferq xi ftit jew wisq pronunzjat bejn it-tnejn. Issib dawk li jsejħu lilhom infushom intellettwali xellugin mingħajr ma għandhom kuntatt biżżejjed mal-bażi. Min-naħa l-oħra, issib attivisti xellugin li, għalkemm għandhom dan il-kuntatt, il-kunċetti intellettwali li bihom jaqraw u jinterpretaw ir-realtà huma nieqsa minn kategoriji tal-ħsieb xellugi u, bosta drabi, saħansitra difettużi.

Involviment sħiħ

In-nies li x-xellugin isejħu ‘intellettwali’ mhux bilfors ikunu biss minn dawk li għandhom gradi akkademiċi, jagħmlu r-riċerka, jiktbu l-kotba jew jitkellmu minn fuq il-podji. L-intellettwali xellugin huma dawk kollha li, bl-iskola jew mingħajrha, għandhom is-sengħa jinterpretaw ir-realtà storika ta’ madwarhom mil-lat tal-magħkus, il-mirfus, l-imwarrab, il-misruq u ż-żarmat; mil-lat ta’ dawk li ma jistgħux u ma jitħallewx ikunu sidien tal-mezzi tal-produzzjoni tal-identità, il-ferħ, il-ġejjieni, il-ħin tagħhom, ix-xogħol u l-ħajja tagħhom.

Biex bniedem ikollu din is-sengħa jrid ikun involut mill-qrib mal-esperjenza konkreta ta’ dawn in-nies ‘żgħar’ li semmejt (ta’ identità imposta, ta’ ferħ iddelineat u l-bqija). Bl-akkademja biss, jiġifieri bl-istudju u r-riċerka, jew aħjar, bil-moħħ biss, b’mod astratt, bniedem ma jasal qatt biex jibda mqar iħoss f’laħmu u f’ġildu dak li jħossu dawn iż-‘żgħar’ bla setgħa. Bniedem jista’ jifhem perfettament x’inhu l-ġuħ, imma ma jistax ikun jaf x’inhu sakemm ikun bil-ġuħ mingħajr possibbiltà li jitrejjaq.

L-aktar karatteristika bażika tal-intellettwali xellugi hija l-esperjenza konkreta u personali tal-oppressjoni. Iżda mhux weħidha. L-esperjenza biss ma tagħmlux intellettwali. Magħha jrid ikollha l-għodod mentali li bihom issir l-interpretazzjoni ta’ dik l-esperjenza. Hija din li tagħti lill-individwu x-xejra xellugija tiegħu. Dawn l-għodod ikunu tali li għandhom is-sengħa jiflu l-fasla soċjali biex jiskopru fihom l-għeruq strutturali tal-oppressjoni.

Tal-iskrivanija biss

Ħafna jifhmu l-produzzjoni intellettwali bħala dak li jagħmlu individwi mixħutin għar-riċerkata u l-istudju. Dan mhuwiex il-produzzjoni intellettwali xellugi. Il-produzzjoni intellettwali xellugija ssir b’mod kollettiv. Mhijiex ħidma purament mentali, maqtugħa mill-esperjenza konkreta kollettiva. Għax-xellugi, il-produzzjoni intellettwali hija r-riżultat ta’ riflessjoni ta’ nies li jagħarfu u janalizzaw l-istrutturi ta’ oppressjoni f’ħajjithom biex flimkien jiskopru d-dinamika tal-bidla.

Għax-xellug, kull persuna, ta’ skola jew le, litterata jew le, li tagħraf l-istrutturi li bihom ħajjitha u ħajjet ħaddieħor hija oppressa, u tagħraf fihom il-mekkaniżmu tal-bidla, hija intellettwali. Dan għax tintellettwalizza—jiġifieri, tikkunċettwalizza mentalment—ir-realtà materjali u storika. Għax-xellug, intellettwali ‘tal-iskrivanija’ biss mhuwiex intellettwali. Huwa travestiment jew, jekk trid, intellettwali lemini li jilagħba ta’ xellugi.

L-intellettwali xellugi mhuwiex sempliċiment dak li kapaċi jilmaħ u xi ftit jew wisq jartikola oqsma ta’ inġustizzji madwaru. Lanqas ma huwa dak li sempliċiment kapaċi jitkellem fuq l-inġustizzji jew fuq l-ideali tal-ġustizzja. Bniedem bħal dan, possibbilment intelliġenti u bravu kemm trid, bosta drabi ssibu merfugħ mill-esperjenza konkreta ta’ nies li jinsabu maqbudin fi strutturi oppressi; maqtugħ mill-bejta li fiha titnissel u titwieled il-bidla strutturali. Hu bniedem parti mill-problema u mhux mis-soluzzjoni. Bil-mod tiegħu, huwa kontributur għall-konservazzjoni u l-perpetwità tal-istrutturi oppressivi. Dan hu l-hemm ta’ ħafna nies ta’ rieda tajba u umanitaristi, inkluż il-biċċa l-kbira tan-nies tal-Knisja, li jgħidu li jħobbu lill-‘fqar’.

Intellettwali biss

Bniedem intellettwali xellugi huwa attivament u personalment impenjat ma’ oħrajn li huma strutturalment oppressi sabiex flimkien joħloqu minnhom infushom sidien ġodda tal-mezzi tal-produzzjoni tal-identità, il-ferħ, il-ġejjieni, il-ħin, ix-xogħol u l-ħajja tagħhom stess; sabiex joħolqu flimkien strutturi ġodda li fihom is-sidien tal-mezzi tal-produzzjoni jkunu huma stess, mhux ħaddieħor li jrid jisfruttahom. Għaldaqstant, l-esperjenza konkreta mhijiex xi żieda illustrattiva tal-ħidma intellettwali, iżda bil-kontra: il-ħidma intellettwali hija espressjoni tal-esperjenza storika u materjali konkreta.

Bil-kontra tal-lemin (li jisħaq fuq id-diviżjoni tal-ħidmiet), ix-xellug għandu intellettwali biss. Kull persuna msieħba fl-impenn tal-bidla hija konxja tagħha nnifisha bħala ħlieqa fi ħdan klassi ta’ nies li huma mkasbra minħabba strutturi oppressi u konxja tal-proċess tal-bidla li tħaddnu l-istess strutturi.


Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?