Sunday, 15 January 2017

B’saħħet Obama

Nhar il-Ġimgħa, 20 ta’ Jannar, tiġi fi tmiemha l-avventura straordinarja ta’ Barak Obama meta jħalli għal kollox it-tmexxija tal-gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika. Avventura li bdiet mat-tlettax-il sena ilu, fl-2004, rat lil dan il-bniedem jixref mid-dellijiet biex jilħaq waħda mill-ogħla qċaċet ċivili tad-dinja u jżomm dik il-kisba b’dehen, kariżma u, fuq kollox, unur.

Seħer u faxxinu

Il-Ġimgħa ssir fil-belt kapitali tal-Istati Uniti tal-Amerika, Washington, l-inawgurazzjoni tal-45 President tal-pajjiż, Donald Trump, wara żewġ perjodi ta’ erba’ snin kull wieħed ta’ Barak Obama. Jinbidel il-President u jinbidel ukoll il-partit politiku fil-gvern, minn Demokratiku għal Repubblikan. Iżda l-bidla hi ħafna akbar minn hekk, u ferm aktar sinifikattiva.

Minbarra li kien l-ewwel President ta’ ġilda sewda—ħaġa fiha nnifisha diġà storika—Obama ġab miegħu ukoll xi ħaġa li kienet ilha nieqsa mill-presidenza Amerikana. Ġab miegħu xi ħaġa msaħħra u affaxxinanti. Ġab miegħu tama ħajja fil-futur Amerikan u rispett imġedded lejn l-Istati Uniti mid-dinja. Is-simpatija tiegħu, il-ħila fid-diskors, l-intelliġenza, il-kunfidenza, l-umur, l-eleganza, u r-rieda li jkun dejjem raġunevoli għamluh bniedem ta’ ammirazzjoni, u taw lill-uffiċċju għoli tiegħu stima li kienu ilu ħafna ma jkollu.

Dan mil-lat uman. Mil-lat politiku, it-tmien snin ta’ Obama f’ras il-presidenza Amarikana ma kinux passiġġata. Jibqgħu memorabbli xi wħud mill-kisbiet diffiċli tiegħu daqskemm xi wħud mill-oqsma fejn, bl-enerġija tiegħu kollha, ma seħħlux jasal fejn ried jew daqskemm xtaq.

Fallimenti u kisbiet

Ma seħħlux Obama jżomm, ngħidu aħna, il-wegħda li jagħlaq il-ħabs infami ta’ Guantanamo f’Kuba. Ma seħħlux iżomm il-wegħda li jġib qrubija akbar bejn il-partiti ewlenin tal-Amerika, anzi kabbarha. Ma seħħlux iżomm il-wegħda li jnaqqas id-dejn pubbliku ta’ pajjiżu. Ma seħħlux iżomm il-wegħda fil-qasam internazzjoni li jersaq lejn l-oppożituri tal-Amerika bi spirtu ta’ djalogu u b’id ta’ ħbiberija.

Xi wħud żgur li għandhom il-ħila li jtawlu din il-lista ferm aktar. Iżda l-kisbiet ta’ Obama mhumiex anqas importanti. Huwa seħħlu jżomm il-wegħda li jtemm ir-reċenzjoni tal-2008. Seħħlu jżomm il-wegħda li jtejjeb il-ħajja ta’ kuljum tal-Amerikan komuni. Seħħlu jżomm il-wegħda li jrażżan il-banek il-kbar. Seħħlu jżomm il-wegħda li jnaqqas it-taxxi. Seħħlu jżomm il-wegħda li jtemm il-gwerra f’Iraq u l-Afganistan. Seħħlu jżomm il-wegħda jkabbar is-sehem tal-Amerika fil-qasam tal-kummerċ trans-Paċifiku. Seħħlu jżomm il-wegħda li jaqbad il-problema tal-klima dinjija minn qrunha.

Din il-lista wkoll tista’ titwal aktar. Ma jistax jonqos, madanakollu, li Obama wkoll kellu l-irkejjen mudlama tiegħu. Kif ittratta mal-Libja aktarx tieħu l-ewwel post fil-lista tad-dubji. Jista’ jkun ukoll li wieħed jikkwestjona kif mexa fis-Sirja. Id-dubju donnu jirbaħ meta tqis in-nuqqas ta’ Obama biex inaqqas l-armi fl-idejn f’pajjiżu. Jista’ jkun li l-akbar dubju jorbot ma’ kif Obama ma seħħlux iqajjem l-ekonomija Amerikana daqskemm ħaseb li seta’.

Ħolma, leġġenda, ikona

L-istorja għad tqis għal darba u elf dawn id-dubji, u jistħarreġ fit-tul u fil-fond l-impatt ta’ Obama fuq pajjiżu u fuq id-dinja, fejn falla u fejn għamel suċċess, fejn bena u fejn ħatt. Madanakollu, jibqa’ l-fatt li Obama, fih innifsu, bil-personalità kumplessiva tiegħu, kien mument partikularment speċjali fl-istorja Amerikana, xi ftit jew wisq kif kienu Lincoln, Roosevelt u Kennedy. Obama mhux se jintesa kif ġieb u laħaq.

Nhar il-Ġimgħa, meta jinżel is-separju fuq din il-parti ‘presidenzjali’ tal-ħajja ta’ Obama, aktarx xi ftit jew wisq huwa jidħol fl-isfera tal-miti u l-mitoloġiji. Għax, minkejja dak li kien fir-realtà tal-fatti politiċi, Obama jista’ jkun li hu xbieha akbar minnu nnifsu għal ħafna nies u għal bosta ġenerazzjonijiet. Aktarx hu parti minn ħolma umana li, b’imgħoddi mkasbar u umiljat, rebħet l-ixkilijiet kollha, ħafna akbar minnha, biex laħqet għoli li kważi kważi qatt ma basret li kien possibbli.

Obama għad isir leġġenda li tiġbor fiha ħwejjeġ mistħajla iżda mixtieqa dejjem; leġġenda mwielda biex ma tmutx; leġġenda ta’ proporzjonijiet fantastiċi. Obama se jkun ikona oħra li ma tmut qatt.


http://www.bdlbooks.com/biographies-and-memoires/4545-dimech.html

No comments:

Post a Comment

Top posts last 30 days

Top posts ever