Id-distribuzzjoni tal-ġid

Xi ġimgħatejn ilu ġejt mistieden nieħu sehem f’programm dirett fuq Net TV li ffoka fuq il-faqar u l-għoli tal-ħajja. Xi jiem wara deher rapport ta’ Robert Cremona f’In-Nazzjon li kkwota xi kummenti minn dak li kont għedt. Hawnhekk xtaqt inkompli ftit aktar l-argument li għamilt fil-programm għax inħoss li s-suġġett kien wieħed xieraq u jistħoqqlu aktar attenzjoni.

Il-faxxi t’isfel tal-poplu

Ir-rapport li deher fil-gazzetta kkwotani tajjeb u r-rapportaġġ kien fidil għal dak li nstema’ fil-programm tal-televiżjoni. Il-programm kien wieħed ippreżentat tajjeb u anki fil-biċċa l-kbira tiegħu bilanċjat. Miegħi fid-diskussjoni kien hemm Gejtu Vella u, mill-RTK, Jes Saliba. Magħna kien hemm ċertu persuna li offriet l-esperjenza tagħha.

Fost affarijiet oħra, fil-gazzetta jien ġejt ikkwotajt li għedt li “l-prezzijiet tal-affarijiet li nixtru żdiedu, iżda l-pagi u l-pensjonijiet ma żdidux bl-istess mod. Aħna nirreferu ħafna għall-ġid nazzjonali. Imma meta tiġi għall-faxxi t’isfel, it-tkabbir mhux jinħass bl-istess mod”.

Dan il-kliem, ikkwotat korrettement, nikkonfermah. Għalkemm jien konvint mill-isforz li diġà sar biex iċ-ċittadin iż-żgħir ilaħħaq sew mal-ħajja, jgħix ħajja diċenti u jkollu wkoll x’jibqagħlu għall-mistrieħ tiegħu, nifhem li dan l-isforz għandu jikber.

Ir-rati tat-tkabbir

Il-ħajja għoliet għal diversi raġunijiet, aktarx mhux anqas, kif jien għedt ukoll fil-programm tat-televiżjoni, minħabba d-dħul tagħna fl-Unjoni Ewropea. Kollox ma’ kollox, bin-naqra n-naqra, il-piż fuq iċ-ċittadin iż-żgħir żdied u qed ikompli jiżdied. Tabilħaqq, is-sitwazzoni mhijiex allarmanti. Iżda s-sinjal hemm qegħdin: iċ-ċittadin iż-żgħir qed jgħaddiha bl-isbrixx.

Min-naħa tal-gvern, ma jidhirlix li hemm attitudni li tinjora jew ma tagħtix kas tas-sitwazzjoni ta’ dawn iċ-ċittadini, ukoll fuq livell ta’ strateġija politika. Iżda jidher li d-diskrepanza bejn ir-rata li biha qed togħla l-ħajja minn sena għal sena u r-rata li biha d-dħul nett ta’ familja medja jew bniedem waħdu ma kibritx b’tali mod li sserraħ il-moħħ u żżomm il-ħajja fuq livell għal kollox sostenibbli.

Nifhem ukoll li l-gvern għadu qed iwettaq il-pjan tiegħu biex, għallanqas sa tmiem il-leġislatura tiegħu, jara li jkun ħalla liċ-ċittadin medju f’qagħda aħjar milli minn meta ħa l-gvern f’idejh. Nemmen li dan il-pjan għandu jiggarantixxi kwalità ta’ ħajja li ċ-ċittadin, inkluż dak żgħir, isibu aċċettabbli għal kollox.

Ir-Rapport fuq il-Faqar

Fl-istess programm televiżiv, jien ġbidt l-attenzjoni għar-Rapport fuq il-Faqar li kien ġie maħdum biex itaffi l-faqar relattiv fost il-poplu. Għedt—u dan ġie rrapportat korrettement—li, għalkemm kien għadda żmien mhux ħażin mill-bidu tar-rapport, dan jidher li għadu fi stadju ta’ diskussjoni. Meta se jibda jitħaddem fil-prattika ma nafx.

Jidhirli li r-Rapport, anki jekk iltaqa’ ma’ diffikultajiet inizzjali, m’għandux jibqa’ karta mejta. Nemmen li l-gvern għandu r-rieda politika li jibda jwettqu. Aktar ma dan jibda malajr, aħjar. Jiena nifhem li gvern Laburista qatt ma ħalla dan l-aspett tal-politika amministrattiva tiegħu tiżloqlu, u t-tama tiegħi hi li anqas din id-darba ma hu se jiġri hekk.

Li l-ġid nazzjonali iġġenerat mill-gvern kurrenti hu kbir nafuh ilkoll. Xi wħud minna, iżda, mhumiex daqshekk ċerti mit-tqassim ġust tiegħu. Dawn id-dubji għandhom jitneħħew bil-fatti konkreti u b’miżuri trasparenti. Fuq dan jiddependi ħafna s-suċċess ta’ din l-amministrazzjoni governattiva, kif ukoll ir-rieda tal-biċċa l-kbira tal-poplu li jerġa’ jarah iżomm it-tmun.

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?