Sunday, 8 January 2017

Il-burokrazija

Il-burokrazija, ċentralizzata jew le, tiċħad liċ-ċittadin l-aċċess għad-deċiżjonijiet li jaffettwaw ħajtu mill-qrib. Għalkemm illum kull istituzzjoni għandha xi ftit jew wisq tal-burokrazija, l-akbar burokratu hu l-gvern. Il-burokrazija mhijiex sempliċiment sistema ta’ amministrazzjoni, iżda hija mekkaniżmu ta’ deċiżjonijiet b’bażi ta’ politika mhux rappreżentattiva.

... u ċ-ċittadin

Il-kelma ‘burokrazija’ hi magħmula minn żewġ kelmiet, waħda Franċiża u l-oħra Griega. Filwaqt li l-ewwel parti tagħha tiġi mill-Franċiż ‘bureau’, li tfisser skrivanija, it-tieni parti tiġi mill-Grieg ‘kratos’, li tfisser tmexxija. Il-kelma sħiħa, użata għall-ewwel darba b’mod sarkastiku minn Jacques Gournay fil-bidu tas-seklu 19, tindika t-tmexxija politika magħmula mill-uffiċċji u minn fuq l-iskrivaniji.

Diġà Gournay uża l-kelma biex tindika ineffiċenza amministrattiva (l-aktar f’rabta mal-kummerċ). Iżda maż-żmien, b’aktar riflessjoni, filwaqt li l-kelma ġiet użata f’sens aktar negattiv milli pożittiv, bdiet timplika wkoll affarijiet pjuttost perikolużi, bħal, ngħidu aħna, it-teħid ta’ deċiżjonijiet amministrattivi minn uffiċjali li huma maqtugħa minn dawk in-nies li lilhom se jkunu qed jaffettwaw id-deċiżjonijiet tagħhom, u saħansitra insensittività waqt it-teħid ta’ deċiżjonijiet.

Iċ-ċittadin, li mhuwiex parti mill-burokrażija ta’ ebda istituzzjoni, wisq anqas tal-gvern, huwa l-vittma f’din l-istorja. Kemm nies eletti minnu u kemm ħafna u ħafna oħrajn li mhumiex, iżda li jirrappreżentawh xorta waħda, jieħdu deċiżjonijiet f’ismu u minfloku waqt li hu hu mħolli għal kollox barra. Iċ-ċittadin huwa biss ir-riċevitur tal-effetti tad-deċiżjonijiet.

Buromanija

Fil-biċċa l-kbira tagħhom, il-gvernijiet eletti jwiegħdu li se jnaqqsu l-burokrazija u jressqu jew jinkludu liċ-ċittadin fit-teħid tad-deċiżjonijiet amministrattivi. Dan rari jseħħ, jekk qatt. Aktar jiġri li l-gvern jinħakem minn dik li Gournay innifsu sejjaħ ‘buromanija’, jiġifieri li, f’isem l-effiċjenza, jissaħħew u saħansitra jitkattru l-iskrivaniji u l-uffiċċji li fuqhom u fihom isiru d-deċiżjonijiet minn kapi, kumitati, kummissjonijiet, irjus u l-bqija.

L-iskuża tal-effiċjenza taħdem bħala l-aqwa sistema ta’ ineffiċjenza. Dan għaliex qabel kollox il-burokrazija hija mekkaniżmu magħqud, imħallas għal kollox mill-poplu, biex iċaħħad lill-istess poplu milli jieħu dawk id-deċiżjonjiet li jaffettwaw direttament lil ħajtu. Anzi, ħafna drabi l-proċessi tal-burokrazija huma espliċitament (anki legalment) moħbija mill-poplu. Mhux biss iċ-ċittadin ma jkunx jaf kif qed jittieħdu d-deċiżjonijiet, iżda lanqas biss għandu aċċess biex jiskoprih.

Fl-aħħar mill-aħħar, iċ-ċivil tal-gvern—bil-ministeri, id-dipartimenti, l-uffiċċji u l-iskrivaniji kollha tiegħu—ma hu rappreżentattiv xejn. Jirrappreżenta biss lilu nnifsu, iżda mhux lill-poplu, li tah is-setgħa u li jżommu fis-setgħa.

Dinjiet maqtugħa

Għall-burokrati, jiġifieri ġewwa l-uffiċċji u fuq l-iskrivaniji amministrattivi, iċ-ċittadin hu biss numru u fajl. Bla wiċċ. Bla isem. Bla identità. Tant hu hekk, li r-regola numru wieħed tal-burokrati hija li m’għandhomx jippersonalizzaw ix-xogħol tagħhom; m’għandhomx jinvolvu lilhom infushom fih b’xi mod sentimentali jew emozzjonali. Il-qtugħ mill-benefikarji tas-servizzi tagħhom hu l-garanzija tal-imparzjalità u l-produttività tagħhom.

L-agħar ħaġa li ċittadin jista’ jiġrilu, fil-fatt, hu li jsib ruħu mgħaqqad fil-labirint burokratiku ta’ xi istituzzjoni fejn la jaf ir-regoli tal-logħob, la n-nies, la d-drawwiet u lanqas l-intriċċi. Hemm ġew żgur li jintilef u jsib ruħu agħar milli beda. Il-burokrazija u ċ-ċittadin huma żewġ dinjiet differenti li ma jitħalltux. Dan għall-ġid tat-tnejn.

Dan il-mostru burokratiku, li aħna ngħixu miegħu kuljum, u li kuljum qiegħed jikber u jitmantna minn butna, huwa ċ-ċaħda ta’ dak kollu li hu l-isbaħ fid-demokrazija. Huwa jagħmel parodija mit-tmexxija li, kif f’Malta hekk ukoll barra, tgħid li hi tal-poplu, mill-poplu u għall-poplu.

Il-burokrazija sempliċiment tiggarantixxi li biċċiet minn moħħ iċ-ċittadin jinsabu fuq l-iskrivaniji ta’ xi ħadd ieħor f’uffiċċji li ħadd ma jaf fejn huma jew minn min jitmexxew.



http://www.bdlbooks.com/maltese-history/6101-min-qatel-il-patri.html

No comments:

Post a Comment

Top posts last 30 days

Top posts ever