Presidenza li se tifnina?


 Il-presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropeja hija vetrina rari li biha nistgħu nuru xi wħud mis-sengħat u l-ħiliet tagħna bħala poplu, bħala Stat u bħala nazzjon. Huwa aktarx improbabbli li nimpressjonaw lil xi ħadd fl-Ewropa b’xi sengħat jew ħiliet straordinarji li kulħadd jistagħġeb bihom. Li nistgħu nagħmlu huwa li nieħdu din l-okkażjoni ta’ darba f’mitt qamar biex għallanqas nuru li m’aħniex poplu retrogradu jew ritardat.


Piż tqil ħafna

Qabel xejn, il-presidenza qed titlob u se tkompli titlob sforz titaniku ta’ riżorsi umani u finanzjarji fil-qasam politiku amministrattiv. Huwa sforz li jidher qed iġebbed bil-kbir dawn ir-riżorsi. Minkejja li għal din il-presidenza nifhem li ilna nippreparaw bosta snin, xorta waħda jidher li, issa li wasal il-mument, il-piż huwa tqil ħafna u, nittamaw, ma jkunx iżżejjed għalina.

Il-presidenza titlob kompetenza f’ħafna setturi, partikularment amministrattivi, li qajla jidher li għandna f’kwantitajiet rikjesti u meħtieġa. Nies kompetenti għandna, naturalment, iżda għandu mnejn mhux daqskemm biċċa xogħol kumplessa u impenjattiva bħal din tal-presidenza titlob il-ħin kollu, kull jum, għal sitt xhur sħaħ.

Mil-lat politiku, meta jeħtiġilna nirrispondu b’ħeffa u b’mod kwalifikat għal sitwazzjonijiet li, ippreparat kemm wieħed hu ppreparat għalihom, dejjem jeħduk għall-għarrieda. Ħafna drabi, dawn huma sitwazzjonjiet, kemm fil-qrib u kemm fil-bogħod, li ftit għandna kuntatt magħhom (jew interess fihom) b’mod dirett. Xi wħud minnhom qatt ma nistgħu nkunu ppretarati għalihom, aħseb u ara kemm nirrispondu, u noffru tmexxija, għalihom b’mod kwalitattivament għoli u profond.

Nefqa titanika

Jien nammira l-isforz li jidher li qed isir fil-qasam amministrattiv u fil-qasam politiku. M’għandix dubju li n-nies tagħna se jaqtgħu figura xi ftit jew wisq tajba. Nittama li, hekk kif igerrbu l-ġimgħat, dan l-isforz straordinarju ma jifniehomx.

Dan kollu nistgħu ngħaqqduh ma’ qasam ieħor, dak finanzjarju. L-ispiża għall-presidenza u t-tħaddim tagħha s’issa la nafuha u aktarx ma se nkunu nafuha qatt. Nobsor li se tkun f’milljuni bla qies; spiża nazzjonali ġiganteska u kolossali li, milli jidher, ma jidhirx li se niggwadanjaw wisq minnha bħala poplu. Ovvjament, il-prestiġju tal-presidenza huwa kbir. Imma dan il-lussu (li kważi kważi hu kapriċċ) jiġi bi prezz, u l-prezz hu titanikament għoli.

Jista’ wieħed jitħasseb serjament x’kellna bżonn dan kollu, u jista’ wieħed jissusspetta li dan il-kapriċċ lussuż huma biss parti mill-attitudni ġenerali ordinarja biex, bħala Stat, inmattru riġlejna aktar milli l-friex tagħna jippermetti. Il-fatt jidher li jibqa’ li donnha saret drawwa aċċettata (mhux neċessarjament tajba) li, biex nidhru moderni u ta’ livell ma’ pajjiżi ferm aktar sinjuri minna fl-Ewropa, niġġebbdu, nittawlu u kważi ninfetqu.

Mument ta’ spontanjetà

Ħafna minn dak li jien qed nara li qed noffru lill-Ewropa minn din il-vetrina ta’ ftit xhur ma jistax jimpressjona lill-Ewropej li għandhom saqajhom fl-art u li jinsabu seba’ mitt sena ’l quddiem minna. Speċjalment fl-oqsma artistiċi. Aħna nsibuha diffiċli―u xi wħud impossibbli―li naċċettaw li aħna periferiċi kulturalment. Nagħmlu x’nagħmlu, ukoll jekk nilagħbuha mod ieħor, jew nemmnu mod ieħor, periferiċi se nibqgħu dejjem.

Il-periferija tagħna tista’ tkun l-isbaħ ħaġa li għandna u l-aqwa vantaġġ li jista’ jkollna. Tista’ tkun l-akar ħaġa li jammiraw fina l-Ewropej. Imma għal ħafna minna donnu l-fatt li aħna periferiċi huwa motiv ta’ mistħija u għajb. Mhux talli ma jarawhiex bħala vantaġġ u bħala sors ta’ kapital kulturali, imma saħansitra jridu jaħbuha u jilagħbuha li ma teżistix.

Attitudni bħal din hi tad-daħk u oġġett ta’ redikolu għal min jaf mod ieħor, speċjalment l-Ewropew li ma jippretendix u ma jridx li ngiddbu lilna nfusna għax jarana sbieħ kif aħna, periferiċi.

Il-presidenza m’għandhiex tkun mument ta’ artifiċjalità, iżda ta’ spontanjetà. Aktar ma nkunu ġenwini, aktar l-Ewropej jammirawna u jħobbuna.


http://www.bdlbooks.com/poetry/4971-dimech-poeta.html

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?