Iċ-ċkejken u ż-żgħir

Hawn ħafna affarijiet ċkejknin, imma xejn żgħir. Din id-differenza bejn iċ-ċkejken u ż-żgħir bosta minna jinsewha jew jagħżlu li jinjorawha. Jagħmel sewwa kulħadd li jżommha f’moħħu għax, bi tfixkil bejn il-waħda u l-oħra, bniedem għandu mnejn jonqos mir-rispett li jmissu jagħti lil ħaddieħor jew imqar lilu nnifsu. Xejn m’hawn żgħir, ukoll jekk ċkejken.

Iċ-ċkejken mhux żgħir

Meta, f’relazzjoni maż-żgħir, ngħidu li xi ħaġa hi ċkejkna nkunu aktarx qed nirreferu għall-qies tagħha. Iċ-ċkejken hu terminu marbut ma’ tul, wisgħa, fond, piż, volum u affarijiet bħal dawn ta’ natura kwantitattiva. Huma affarijiet li jistgħu jitkejlu jew ukoll jintiżnu, affarijiet li jistgħu jiżdiedu jew jitnaqqsu.

Ngħidu aħna, nirreferu għal nemla bħal ċkejkna, jew ċippa ta’ apparat elettroniku, jew żrara, jew bebbuxu. Dawn huma affarijiet li nsejħulhom ċkejknin għax il-qies tagħhom mhuwiex kbir. Id-dinja wkoll hi ċkejkna meta mqabbla mal-qies tax-xemx jew il-qies ta’ Saturnu. Nista’ ngħid li għandi bir ċkejken jew statura ċkejkna. F’każijiet bħal dawn huwa l-lat kwantitattiv li nkunu qed nirreferu għalih meta nsejħulhom ċkejkna.

Iżda huma ċkejkna biss fil-qies, f’ebda ħaġa oħra. Huma kbar mal-lat kwalitattiv. Fihom infushom, dawn l-affarijiet li semmejna, u magħhom nistgħu nsemmu miljuni ta’ affarijiet oħra ċkejkna fil-qies, għandhom kwalità kbira tabilħaqq. Is-siwi li għandhom fihom infushom—il-fejda tagħhom, il-mertu tagħhom, il-preġju li għandhom—ma huwa ċkejken xejn, iżda sħiħ u qawwi.

Ħadd m’hu żgħir

Aħna poplu żgħir, iżda niswew daqs l-akbar poplu. Jeżistu ħniefes li l-qies tagħhom huwa ta’ millimetru wieħed biss, u dud iżgħar minn hekk, ta’ 0.0002 millimetri biss (200μm), u żnażar iżgħar, ta’ 0.0001 millimetri (139μm). Dawn il-ħlejjaq u oħrajn bħalhom huma mill-aktar ċkejkna tassew, imma kull waħda minnhom huma tal-għaġeb fl-għamla u l-ħiliet tagħhom. Huma ċkejkna imma mhux żgħar.

L-għadam ossikli fil-widna huma fost l-iċken biċċiet tal-ġisem uman, imma mingħajrhom ma nkunu nistgħu nisimgħu xejn. Huma ċkejkna, iva, iżda mhux żgħar fil-ħidma jew l-użu tagħhom. Hekk nistgħu nsemmu gżuż u gżuż ta’ affarijiet li, għalkemm huma ċkejkna—bħat-tubi nani u ċerti transistri, li l-qies tagħhom huwa ta’ ftit tulijiet nukleari—ma nistgħux insejħulhom żgħar, għax is-siwi tagħhom huwa kbir tassew.

In-nies l-istess. In-nies jistgħu jkunu ċkejkna, iżda qatt żgħar. It-trabi u t-tfal huma ċkejkna, iżda huma persuni ta’ siwi daqskemm l-akbar bniedem. Ħadd m’hu żgħir fil-kwalità u d-dinjità. Kull persuna, imqar l-iċken waħda fil-qies jew fl-istatura soċjali, hi kbira fiha nnifisha u jistħoqqilha l-istess ġieħ u qima daqs kull persuna oħra, kbira kemm hi kbira.

It-tfixkil

Bosta drabi, aħna nitfixklu ċ-ċkejken maż-żgħir għax l-oppost tagħhom fiż-żewġ każijiet hu ‘kbir’. Ngħidu ‘ċkejken-kbir’ u ‘żgħir-kbir’. Minħabba li l-kelma ‘kbir’ tibqa’ l-istess fiż-żewġ każijiet, nistħajlu li ‘ċkejken’ u ‘żgħir’ ifissru l-istess ħaġa u nistgħu daqqa nużaw waħda u daqqa l-oħra.

Iżda m’għandux ikun hekk. Nistgħu nsejħu minoranza ‘ċkejkna’, imma ma nistgħux insejħulha ‘żgħira’. Għax is-siwi tagħha hu daqs ta’ maġġoranza, jekk mhux akbar. Nistgħu nsejħu bniedem li hu soċjalment imwarrab u mgħakkes bħala ċkejken, iżda qatt bla żgħir. Għax hu persuna ta’ ġieħ daqs l-ogħla bniedem fis-soċjetà.

Ħadd minna m’għandu jonqos mir-rispett lejn iċ-ċkejken għax jobsor li hu żgħir. Kull ħaġa u kulħadd hu kbir fih innifsu u jistħoqqlu l-ġieħ ta’ kbir. M’għandniex infixklu ċ-ċkejken maż-żgħir jew nobsru li, għax ċkejken, xi ħaġa jew xi ħadd hu żgħir.

Ċkejknin jew mhux, aħna lkoll kbar.

https://www.facebook.com/paternalizmu/?ref=bookmarks

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?