Mingħajr preċedenti fl-Olanda

Dak li qed jiġri fl-Olanda bħalissa għandu mnejn hu mingħajr preċedenti. Anzi, jista’ joħloq preċedent liema bħalu. Il-gvern Olandiż jinsab f’kwestjoni mat-Turkija fuq xi ħaġa li għandha mnejn tiftaħ it-triq għal sitwazzjonijiet simili fl-Ewropa jew ukoll f’inħawi oħra tad-dinja. X’jista’ jirriżulta minn dan kollu?

Dixxendenzi barranin

Il-ġimgħa li għaddiet, eżattament nhar il-Ħamis li għadda, fit-Turkija sar referendum fuq is-setgħat effettivi tal-president tal-pajjiż. B’daqshekk ma fiha xejn. Il-problema qamet meta l-ministri tal-gvern Tork riedu jagħmlu ‘meetings’ ġol-Olanda għat-Torok li jgħixu hemmhekk jew għandhom ċittadinanza Olandiża.

Skont l-istatistiċi Olandiżi, hemm madwar 500,000 ċittadin Olandiż ta’ dixxendenza Torka ġo l-Olanda. Dawn jagħmlu mat-2.5 fil-mija tal-popolazzjoni kollha Olandiża. Kien għal dawn li l-ministri Torok riedu jagħmlu l-‘meetings’, mhux ġo pajjiżhom, iżda f’pajjiż ħaddieħor!

Id-demostrazzjonijiet Torok waqt il-kampanja referendjali tat-Turkija saru mhux fl-Olanda biss, iżda wkoll fil-Ġermanja u l-Awstrija. Fil-Ġermanja hemm mat-tliet miljun ċittadin Ġermaniż ta’ dixxendenza Torka. Fl-Awstrija hemm mal-200,000. Il-preżenza tad-dixxendenza Torka mhijiex daqstant problema f’dawn il-pajjiżi. Il-problema aktar hi t-talbiet li l-gvern Tork qed jagħmel fil-kampanji politiċi tiegħu f’pajjiż ħaddieħor.

X’inhi l-kwestjoni?

Dak li ġara l-ġimgħa li għaddiet fl-Olanda aktarx kien mingħajr preċedenti. Li jsiru ‘meetings’ f’pajjiż ħaddieħor minn gvern barrani hija xi ħaġa li tista’ tkun preċedent għal sitwazzjonijiet simili f’pajjiżi oħra. Il-gvern Olandiż ċaħad li l-ministru Torok jagħmlu ‘meetings’ għat-Torok fl-Olanda. Il-Ġermanja u l-Awstrija lanqas demostrazzjonijiet mit-Torok, ukoll mingħajr il-preżenza tal-membri tal-gvern Torok, ma ħallew isiru (għal raġunijiet ta’ sigurtà, qalu).

Min-naħa tiegħu, għaċ-ċaħda Olandiża tal-ġimgħa li għaddiet, il-gvern Tork ħa għalih bil-kbir. Il-pretest li jisa’ jibgħat il-ministri tiegħu jagħmlu ‘meeting’ f’pajjiż ħaddieħor, mhux biss jemmen fih, iżda wkoll isostni li għandu d-dritt morali u legali li jagħmlu. L-Olanda, il-Ġermanja u l-Awstrija t-tlieta ċaħdu li jeżisti dritt bħal dan.

Hu x’inhu, il-fatt li nqalgħet din l-istorja tista’ tkun sinjal ta’ affarijiet li ġejjin. Issa jmiss lin-nies legali u diplomatiċi biex jaraw sewwa jekk ħaġa bħal din tista’ issir tabilħaqq. Jista’ gvern jagħmel ‘meeting’ għal nies tad-dixxendenza tiegħu f’art sovrana ta’ ħaddieħor? Din hi l-kwestjoni kollha.

Skond xi esperti legali u politiċi, dan mhux biss hu possibbli letiċament iżda wkoll moralment validu. Oħrajn ma jaqblu xejn ma dan u jsostnu li jista’ joħloq preċedent perikoluż fejn gvern jidħol bl-influwenza tiegħu f’art li tgawdi s-sovranità ta’ ħaddieħor.

Mistoqsija interessanti

Is-sitwazzjoni tidher li ħolqot xenarju u possibbiltajiet għal kollox ġodda fil-fasla politika tal-Ewropa. Dawn huwa fatt ieħor li juri kemm il-fruntieri ta’ bejn il-pajjiżi qed isiru dejjem aktar elastiċi. Diġà l-miljuni ta’ refuġjati wrew dan. Issa l-kwestjoni ttieħdet fuq skala għal kollox differenti.

Għalkemm ir-referendum fit-Turkija sar u spiċċa, ix-xenarju legali u politiku li ħoloq fuq il-possibbiltà ta’ ‘meetings’ f’pajjiż ħaddieħor ma spiċċatx u għad trid tiġi definita b’aktar preċiżjoni. Jista’ jkun li l-gvern Tork, bit-tgħajjir li għajjar lill-gvernijiet tal-Ġermanja, l-Awstrija u l-Olanda li huma Nażisti, m’għandux raġun. Iżda jaf li b’daqshekk ħoloq xi ħaġa li kulħadd irid minn issa ’l quddiem jiffaċċjaha.

Għandu jew m’għandux pajjiż id-dritt li jagħmel ‘meetings’ f’pajjiż ieħor? Din hi l-kwestjoni kollha, u wieħed ma jista’ ma jistqarrx li hi mistoqsija interessanti ħafna. Min jaf kif tiġi mwieġba? Lilna f’Malta tagħmlilna differenza jew it-tweġiba tkunx iva jew le?

Aktarx iva.


https://www.facebook.com/events/266829500424529/

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?