Aħjar musulman tajjeb minn nisrani ħażin

Minn żmien għal żmien jibqgħu jinqalgħu fil-gżejjer Maltin kwestjonijiet li jixħtuna l-baħar. Jew aħjar, kwestjonijiet li juru li konna u għadna l-baħar. Għax huma kwestjonijiet li suppost ilna li solvejnihom; kwestjonijiet li l-karattru ċivilizzat li mingħalina għandna mhu suppost li jara ebda kwestjoni fihom. Il-kwestjoni tat-tagħlim tar-reliġjon Musulmana fl-iskejjel tal-Knisja Kattolika hi waħda minnhom.

Suppożizzjonijiet

F’dan kollu qed nitkellmu fuq dak li hu suppost, jiġifieri fuq suppożizzjoniet li nagħmlu biex nidhru jew inħossuna aħjar. Waħda minn dawn is-suppożizzjonijiet hija li aħna s’issa, bħala poplu, rabbejna spirtu hekk ċivilizzat li l-prinċipji repubblikani jidħlu u joħorġu minn imnifsejna bħall-arja li nieħdu l-ħin kollu.

Bħal ħafna suppożizzjonijiet, din ukoll hija tidher li hi fittizzja. Ħafna minna jagħmluha u jilagħbuha ta’ ċivilizzati u repubblikani u saħansitra ta’ liberali, imma mbagħad, meta niġu għas-si u n-no, issib li għandhom mentalità qadima u magħluqa daqs l-aqwa Torquemada. Huma nies li għandhom ġisimhom iħares ’il quddiem imma rashom qed tħares lura.

Il-karattru ċivilizzat li ħafna minna mingħalihom li għandhom m’għandux x’jaqsam ma’ min hu Kattoliku u mhux. Bħala poplu, aħna lkoll ninsabu f’dgħajsa waħda. Aħan lkoll, Kattoliku u mhux, aħna nies li qed ngħixu fuq dawn il-gżejjer u għalhekk il-ġejjieni tagħna lkoll mhux għal dan jew għall-ieħor, jew għal dan il-grupp jew għall-ieħor, imma għal kulħadd.

Il-valuri tat-tkabbir

Għaldaqstant, suppost li nixtiequ l-aqwa ġid lil kulħadd li jgħix hawnhekk. Kulħadd ifisser kulħadd, mhux xi biċċa jew oħra. Kulħadd. Jekk jgħixu l-insara hawnhekk, jekk jgħixu l-musulmanti, jekk jgħixu l-ateji, jekk jgħixu l-agnostiċi, jekk jgħixu l-umanisti, jekk jgħix min jgħix, għandna jkollna għal qalbna l-ġid tagħhom ilkoll, u għandna noħolqu l-aħjar strutturi biex kull wieħed u waħda minna jkollhom l-opportunitajiet kollha biex ikunu hienja u l-aqwa li jistgħu.

Għal ħafna, ir-reliġjon għadha importanti bħala twemmin. Għall-maġġoranza nifhem li hi ħaġa kulturali biss. Imma għal ħafna, anki jekk minoranza, għadhom iqisuha xi ħaġa għażiża għalihom u, aktar minn hekk, xi ħaġa essenzjali għall-għajxien hieni tagħhom. Dan ħafna drabi jfisser li jkunu jridu jgħaddu t-twemmin tagħhom lil uliedhom.

L-iskejjel hekk imsejħa ‘tal-Knisja’ għandhom ikunu minn tal-ewwel li jgħallmu l-aqwa valuri li jkabbru n-nies u jġibu l-umanità flimkien. Mhemmx għalfejn nikkwotaw it-tagħlim soċjali tal-Knisja biex nuruh dan, għax hu hekk evidenti llum, hekk ovvju, li kull Kattoliku suppost jafu bl-amment u jipprattikah bħala parti mit-twemmin tiegħu.

Art musulmana?

Din suppożizzjoni oħra. Jien tkellimt ma’ bosta nies fuq jekk l-iskejjel tal-Knisja għandhomx, jekk loġistikament possibbli, jipprovdu t-tagħlim reliġjuż lill-istudenti musulmani fir-reliġjon tagħhom. Ma kinux ftit dawk li ħaduha bi kbira u kważi kważi skandalizzaw irwieħhom b’din il-ħaġa. Tkellimt ukoll ma’ saċerdoti. Mhux wieħed jew tnejn tbaqbqu li dan m’għandux isir.

Donnu l-biża’ ta’ dawn in-nies mhuwiex tant li, b’ħaġa bħal din, l-iskejjel tal-Knisja se jgħinu biex ikabbru musulmani tajbin. Le. L-akbar biża’ tagħhom donnu kien li l-musulmani jistgħu xi darba jagħmlu mill-gżejjer Maltin art musulmana, bħallikieku din kienet l-agħar ħaġa li jista’ jiġrilna.

Jien dejjem weġibt li aħjar musulman tajjeb milli nisrani ħażin. Insara ħżiena għandna kemm trid, u anki musulmani ħżiena. Jien nixtieq kemm insara tajbin u kemm musulmani tajbin. Ma nara ebda skandlu jekk artna ssir musulmana sakemm dan ikun ta’ suċċess akbar għaliha milli kienet bħala nisranija.

L-iskejjel tal-Knisja, jekk loġistikament possibbli, ikunu qed jagħmlu servizz lill-umanità u lil pajjiżna jekk itellgħu musulmani tajba daqskemm itellgħu nsara tajba.

http://inewsmalta.com/article.php?ID1=49764

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?