Dimech jgħix!

Għada t-Tnejn, il-Prim Ministru, is-Sensiela Kotba Soċjalisti (SKS) u jien se noħorġu uffiċjalment għall-pubbliku ktieb bil-ħajja ta’ Manwel Dimech fil-qosor. Iċ-ċerimonja, li se ssir quddiem Kastilja mal-monument sabiħ ta’ Dimech b’tifkira tas-96 sena mill-mewt ta’ Dimech u ta’ Jum il-Ħaddiem, tibda fis-6.30 ta’ filgħaxija. Kun magħna int ukoll għal din l-okkażjoni speċjali.

Rakkont personali

Dan il-ktieb ktibtu xi snin ilu u jġib il-bijografija sħiħa ta’ Manwel Dimech. Semmejtu JIEN, MANWEL DIMECH għax għax il-kitba bħallikieku kitibha Dimech stess qisu qed jirrakkonta l-bijografija tiegħu nnifsu. Dan huwa stil li, minbarra li huwa aktar personali, ma jippermettix stħajjil storiku. Dimech jirrakkonta l-istorja tiegħu stess kif aktarx raha u esperjenzaha hu personalment.

Għalkemm dal-ktieb ġdid iġib verżjoni mqassra tal-ħajja ta’ Dimech, b’daqshekk m’hemm xejn qasir fiha. Xorta waħda jingħataw id-dettalji kollha tal-ħajja ta’ Dimech f’kull fażi tagħha, mill-bidu sal-aħħar. Id-differenza hi li din il-kitba hija msoffija mill-ħafna tifsiriet fit-tul u mill-eluf ta’ dettalji rqaq li kellha l-verżjoni t-twila.

Din l-edizzjoni t-twila jien kont ħriġtha fl-2004, tlettax-il sena ilu, u sal-lum għadha l-bijograija klassika ta’ Dimech. Kulmin irid ikun jaf lil Dimech fil-fond u bir-reqqa ma jistax jonqos li jaqra dik il-bijografija. Fiha hemm mijiet ta’ eluf ta’ referenzi dokumentarji li minnhom ħdimt l-istorja ta’ ħajjet Dimech f’kull tentufa u rokna tagħha.

Stil intimu

Din il-verżjoni mqassra hi differenti minn dik il-bijografija t-twila għax, għalkemm ma tħalli xejn barra mill-ħajja ta’ Dimech, tgħid l-istorja tiegħu bi kliem ħafif u mexxej. Bniedem li jrid jaqra l-ħajja ta’ Dimech mingħajr tul żejjed u li jixtieq isir jaf x’għamel Dimech, kif kien jaħseb, xi pjanijiet kellu għal pajjiżna u x’ġarrab, dan hu l-ktieb ideali għalih. F’dan il-ktieb se jsib kulma jrid mingħajr dewmien, kliem fit-tul u bi stil intimu ħafna.

‘Intimu’ għax f’dal-ktieb se tħoss li Dimech qed ikellem lilek personalment qisu qed iqerr miegħek. Niftakar li, meta kont bdejt nikteb din il-verżjoni fis-sajf tal-2005, kont għamilt żewġ abbozzi tal-ewwel biċċiet tiegħu. F’waħda għedt l-istorja jien fuq Dimech; fl-oħra bħallikieku qalha hu stess fuqu nnifsu. Dawn l-abbozzi kont qrajthom lil ħabib anzjan tiegħi li llum mejjet, Ġużeppi Tonna, sajjied minn Bormla, u staqsejtu liema kienet togħġbu l-aktar. Ma kienx ħasibha darbtejn biex weġibni. It-tieni kienet ħafna isbaħ, qalli.

B’hekk komplejt nikteb il-ktieb kollu skont l-għażla ta’ Ġużeppi, u ma ddispjaċinix. Għax, għalkemm qatt ma kont ktibt xejn b’dan l-istil awtobijografiku fuq Dimech, deher mill-ewwel li x-xogħol kien ħiereġ tajjeb u li l-kliem kien qed joqgħod għall-ħsieb bħal tarbija f’ħoġor ommha. Ir-riżultat hu dal-ktieb il-ġdid, Jien, Manwel Dimech, li hu l-pjaċir kbir tiegħi noħorġu uffiċjalment għada flimkien mal-Prim Ministru Joseph Muscat.

Xbieha għall-ewwel darba

Il-Prim Ministru għandu sehem ukoll mill-ktieb, għax il-ftuħ tiegħu kitbu hu. Meta kont staqsejtu jekk jitħajjarx jikteb ftuħ għall-ktieb il-ġdid, aċċetta bil-ferħ mill-ewwel. Fil-fatt, il-kelmtejn ta’ Dr Joseph Muscat fil-bidu tal-ktieb huma sbieħ u jorbtu lil Dimech mal-ħaddiema Maltin u Għawdxin u mal-ħidma tal-gvern tal-lum b’riżq pajjiżna.

Barra dan kollu, il-ktieb fih ħafna xbihat kif ukoll siltiet mill-kitbiet ta’ Dimech innifsu. Xbieha waħda jistħoqqilha attenzjoni aktar mill-oħrajn għax qatt ma dehret qabel f’ebda pubblikazzjoni. Ix-xbieha ġġib disinn bil-lapes ta’ Dimech li kien pinġa Salvu Astarita, ħabib mill-qrib tiegħu, fl-1914. Hija xbieha mill-isbaħ. Din inġibha grazzi għan-neputi ta’ Salvu stess, Christopher Busuttil, li ġentilment għoġbu jagħtini kopja tal-oriġinal.

Ikun sabiħ jekk għada tingħaqad mal-Prim Ministru u miegħi int ukoll quddiem Kastilja fis-6.30 ta’ filgħaxija għall-ħruġ uffiċjali ta’ dal-ktieb mill-isbaħ li se jkun qed jinbigħ 10 ewro biss. Għandek tieħu gost żgur.

Il-ktieb jixraq ikun f’idejn il-poplu Malti u Għawdxi kollu.

L-GĦID IT-TAJJEB LIL KULĦADD!


Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?