Il-kurżità oħt il-għerf

Jgħidu li huma n-nisa l-kurjużi. Dan mhuwiex minnu. L-irġiel kurjużi daqshom. Għall-anqas xi wħud minnhom. Daqskemm mhux in-nisa kollha huma kurjużi. Xi ftit jew wisq ilkoll kemm aħna kurjużi, ukoll jekk xi wħud iqisu l-kurżità bħallikieku kienet xi kwalità ħażina jew ta’ min jaħrabha. Dan għax ma jintebħux li l-kurżità hija oħt il-għerf u li, li kieku ma kienx għall-kurżità, il-bniedem għadu sal-lum jgħix fl-għerien.

It-tagħlim mill-kurżità

Il-kurżità hija l-kwalità ta’ ħsieb li jistaqsi. Kull annimal li għandu moħħ jagħmel il-mistoqsijiet biex jiskopri u jitgħallem. Mingħajr il-kurżità mhemmx tagħlim. It-tagħlim huwa frott il-kurżità li trid tkun taf aktar, li trid tiskopri dak li ma tafx. Bil-kurżità aħna nkabbru l-ħażna tat-tagħrif li diġà jkollna jew niltaqgħu ma’ rabtiet ġodda li l-affarijiet ikollhom bejniethom.

Skont il-filosfu Grieg tal-qedem Aristotli, li għex fit-tielet seklu qabel Kristu, hemm għaxar għamliet ta’ mistoqsijiet li loġikament nistgħu nagħmlu (isejħilhom ‘kategoriji’): Din x’inhi? Kemm tgħodd? X’għamla għandha? X’rabta għandha ma’ affarijiet oħra? Fejn tinsab? Meta saret? X’qagħda għandha? Kif ġiet hawn? X’inhi tagħmel? X’għaddej mingħaliha?

Il-bniedem bla kurżità jibqa’ dejjem injorant. Ma jitgħallem qatt xejn għax ma jkollux il-ħajra li jiskopri affarijiet ġodda. Il-kurżità hi ħaġa tajba u meħtieġa. Biha nikbru, inwessgħu moħħna, nagħarfu affarijiet ġodda, niltaqgħu ma’ skoperti siewja u nużaw aktar ħiliet li għandna u snajja li nistgħu nkabbru.

It-tagħlim tal-kurżità

‘Tkunx kurjuż!’ jew ‘Tkunx kurjuża!’ nisimgħu xi kultant lil xi ġenitur jgħid lil xi tifel jew tifla. Dan mhuwiex parir tajjeb. Il-ġenituri għandhom iħeġġu l-kurżità f’uliedhom. B’hekk jinġibdu għat-tagħlim, għall-kotba, għat-taħdit ma’ ħaddieħor, għal laqgħat ma’ kulturi ġodda, etnitajiet differenti, popli oħra, reliġjonijiet diversi. Il-ġenituri għandhom iħeġġu lil uliedhom ikunu kurjużi biex jattivawlhom moħħhom u jqabbduh il-ġuħ tat-tagħlim.

L-akbar għodda tal-kurżità hija l-mistoqsija. Psikoloġikament, meta nistaqsu aħna nkunu qed infittxu li nimlew bħal vojt fil-firxa tat-tagħrif tagħna, u dan jimplika xewqa għal tagħrif sħiħ. It-tagħrif tagħna dejjem jibqa’ bin-nieqes, imma, meta nistaqsu, inkunu qed noqorbu lejn qagħda mentali sħiħa li tissodisfa l-inkompletezza naturali tagħna.

Fil-filosofija, il-kurżità għandha sehem importanti għal bosta mir-raġunijiet li rajna hawn fuq. Madanakollu, hemm raġuni oħra aktar importanti: hija dik li noħolqu jew noħolmu qagħdiet ġodda ta’ eżistenza. Bosta drabi, aktar ma jkunu sempliċi l-mistoqsijiet, aktar iħaddnu fihom iż-żerriegħa għall-ħolqien ta’ viżjonijiet ġodda.

Biża’ mill-kurżità

L-għerf kollu tal-bniedem—mill-aktar prattiku u utli sal-aktar astratt u teoretiku, mill-ogħla sura tiegħu, jiġifieri l-empatija, sal-anqas, jiġifieri l-fehma—kollu jissejjes fuq il-kurżità. Hija ħasra li xi wħud jibżgħu ipaxxu l-kurżità tagħhom minħabba, aktarx, li jistgħu jinħasdu jew jiddejqu b’dak li jiltaqgħu miegħu jew jiskopru. Xi wħud jagħżlu aktar li ma jkunux jafu milli li jkunu jafu għax b’hekk iħossuhom aktar fiż-żgur.

Jien jidhirli li aktar hu minnu bil-maqlub. Jiġifieri li bniedem mgħarraf hu aktar fiż-żgur minn ieħor li mhuwiex. Aħjar inkun naf fejn jien miegħi nnifsi, ma’ ħaddieħor u mad-dinja meta nitgħarraf milli meta ma nitgħarrafx.

Din tgħodd għall-esperjenza tal-umanità daqskemm għal dik ta’ kull bniedem individwali. L-umanità mxiet ’il quddiem fl-għarfien tagħha nnifisha, tad-dinja li tgħix fuqha u tal-univers li jħaddanha għax kienet kurjuża u qatt ma waqfet titma’ l-kurżità tagħha.

F’din l-esperjenza kollha, il-kurżità kienet dejjem—u tibqa’—oħt il-għerf.

https://www.facebook.com/Jien-Manwel-Dimech-1873917079496722/?ref=bookmarks
Ktieb ġdid li m'għandekx titlef!
Il-ħajja fil-qosor ta' Manwel Dimech
(Agħfas fuq ix-xbieha biex tmur Facebook)

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?