It-tajjeb u s-sabiħ

Hu minnu li dak kollu li hu tajjeb hu wkoll sabiħ, u dak kollu li hu sabiħ hu wkoll tajjeb? It-tweġiba għal din il-mistoqsija tiddependi ħafna fuq x’wieħed jifhem b’‘tajjeb’ u x’jifhem b’‘sabiħ’. Għax jekk kien hawn, ngħidu aħna fil-filosofija, diskussjoni li ilha sejra litteralment minn qabel Ġesù Kristu, minbarra dik fuq x’inhi l-verità, kienet dik ta’ x’għandna nifhmu b’‘tajjeb’ u x’għandna nifhmu b’‘sabiħ’.

Il-ferq tas-sabiħ mit-tajjeb

L-ewwel saram li niltaqgħu miegħu, sa minn żmien il-filosfi l-qodma tal-Greċja klassika sal-lum, hu jekk it-tajjeb u s-sabiħ huma kwalitajiet li jeżistu f’moħħ il-bniedem biss jew jekk jeżistux maqtugħa minnu fl-affarijiet. Ngħidu aħna, pittura hi sabiħa fiha nnifisha jew hu jien li naraha sabiħa u ħaddieħor jaraha kerha? Li wieħed iħalli xi ħaġa tal-flus lil wejter hu għemil tajjeb fih innifsu jew hu jien li narah tajjeb filwaqt li ħaddieħor jarah bħala għemil ħażin?

Illum il-ħsieb mifrux, ukoll fost il-filosfi, aktar donnu jxaqleb lejn il-fehma li kemm it-tajjeb kif ukoll is-sabiħ jeżistu biss f’moħħ il-bniedem u m’għandhom x’jaqsmu xejn mal-affarijiet ’l hinn minnu. Hu l-bniedem li jaqtagħha ħaġa hijiex sabiħa jew kerha, jew hijiex tajba jew ħażina. Madanakollu, dan ma jagħmlux minn żniedu. Biex ixaqleb fehmtu lejn naħa jew lejn oħra jrid ikollu xi qies li miegħu jimxi.

Jekk b’‘sabiħ’ bniedem jaħseb biss fil-lat artistiku jew estetiku ta’ xi ħaġa, bħalma jagħmel, ngħidu aħna, il-filosfu Aristotli fi Ktieb 13 tal-Metafiżika, ma jistax jara wkoll it-tajjeb fih. Imma jekk bih jaħseb ukoll fil-lat tal-għemil, jiġifieri l-lat etiku jew morali, għandu mnejn jara li s-sabiħ jista’ wkoll ikun tajjeb, u jara wkoll li l-ħażen hu ikrah.

Is-sens ta’ appartenenza

Kif jista’ s-sabiħ ikollu lat etiku jew morali? Kif jista’ jkun tajjeb jew ħażin? Għal xi wħud dan ma jistax ikun għax aktarx jaraw is-sabiħ mil-lat biss ta’ utilità, pjaċir, ġibda jew proporzjon. Is-sabiħ mhuwiex dawn biss, u lanqas ma hu fuq kollox dawn. Is-sabiħ hu sens ta’ appartenenza, dik li bl-Ingliż isejħulha belonging; meta wieħed iħossu qisu milqugħ jew misjub, f’postu jew f’daru, imkennen jew mgħożżoż.

B’din il-fehma ta’ tifsira, is-sabiħ tabilħaqq jista’ jkun tajjeb, anzi hu l-itjeb meta hu l-isbaħ, u wkoll l-isbaħ meta hu l-itjeb. Għalhekk, minn dan nistgħu ngħidu wkoll li l-ħażen hu ikrah, u li l-ikrah hu l-ħażin, kif ukoll li l-iħżen hu l-ikreh.

Kemm dan joqgħod nistgħu narawh minn dak li nagħmlu. Ngħidu aħna, għaliex ulied li jħobbu ’l ommhom jarawlha wiċċa sabiħ, anzi mill-isbaħ, ukoll jekk ikun ikrah? Imbagħad ta’ xi zija xħiħa u għajjura jarawh ikrah, ukoll jekk ikun sabiħ? Għaliex in-negrillas ta’ Goya, jiġifieri l-pitturi l-hekk imsejħa suwed tiegħu, xi wħud bħali jarawhom sbieħ? Imbagħad ta’ xi ħadd ieħor, ngħidu aħna ta’ Bernard Buffet, jarawhom koroh, ukoll jekk jistgħu jkun sbieħ għal oħrajn?

Ġesù l-isbaħ u l-itjeb

It-tweġiba għal dawn il-mistoqsijiet hi li xi affarijiet inqisuhom iserrħuna għax inħossuhom jilqgħu dak li aħna, ukoll jekk ma nkunux nistgħu ngħidu kif u għala. Filwaqt li affarijiet oħra jimbuttawna għax, għal xi raġuni jew oħra, ma jdoqqux għal dak li aħna jew għal dak li ma rridux inkunu.

Min hawn niġi għall-aħħar ħsieb li xtaqt nagħmel. Għala xi wħud minna l-ħsieb jew ix-xbieha ta’ Ġesù nsejħulu sabiħ u tajjeb, anzi insejħulu l-isbaħ u l-aħjar, filwaqt li għal oħrajn hu ikrah u saħansitra mistmerr? Għax dawn tal-aħħar ifixklu lil Ġesù ma’ dak li jaħsbu li jafu fuqu jew li qalilhom ħaddieħor; jitfixkluh mal-kristjanità, mat-teoloġija dekadenti jew oskurantista, jew mal-istorja infamja ta’ bosta nsara matul is-sekli.

Min bħali jara lil Ġesù bħala l-bniedem perfett, l-inkarnazzjoni tad-divin, u l-aqwa mudell morali—huma x’inhuma l-isfreġji u l-isfruttamenti li minn dejjem sal-lum għamlu minnu xi wħud—ma jistax ma jarahx sabiħ u tajjeb, u wkoll l-isbaħ u l-aħjar.

Tabilħaqq, iva, dak kollu li hu tajjeb hu wkoll sabiħ, u dak kollu li hu sabiħ hu wkoll tajjeb.


http://www.timesofmalta.com/articles/view/20170326/business-news/on-the-poverty-of-paternalism.643575

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?