Flieles magħduda

Kemm jagħmel ħażin min jgħodd il-flieles qabel ma jfaqqsu! Ċert kemm wieħed jista’ jkun ċert minn xi ħaġa, ma jiswielu qatt li jagħmilha fatta qabel ma x-xilep ikun ġewwa. Dejjem għarralu min kanta l-glorja bla ma kellu s-sabar jistenna sakemm il-ġirja tintemm. Fuq kollox, wieħed irid jibqa’ jaqdef b’saħħtu kollha, mingħajr serħan, sal-barkun.

Il-ġirja sal-barkun

Il-kampanja elettorali għaddejja b’ritmu qawwi u għad fadal ġimagħtejn twal sa ma tiġi fi tmiemha. Nies imħeġġa żżejjed fuq iż-żewġ naħat tal-iskjerament politiku diġà qed jgħajtu l-hallelujah bħallikieku llum kien l-4 ta’ Ġunju. Il-ħeġġa tagħhom tagħmilhom. Jagħmlu bħal dak l-iblah ċorma jaħsibha ġgajta u għadira baħar.

Iblah hu min jitlaq idejh u jserraħ moħħu għax jistħajjel li diġà qed iħoss fuq rasu r-rand tar-rebħa. Il-palju jista’ jkun f’idejk biss meta t-tellieqa tispiċċa u ebda stħajjil ma jista’ jġib dak il-waqt eqreb lejk. Xi wħud hekk qed jagħmlu għax, għandu mnejn, jobsru li l-kompetituri tagħhom waqgħu lura diġà jew qatgħu qalbhom.

Xejn minn dan m’hu aktar ’il bogħod mir-realtà. F’kampanja elettorali għad irid jitwieled il-kompetitur li jċedi l-armi qabel ma jkun ċert li l-linja qabiżha ħaddieħor. Ta’ stinat li hu, jibqa’ jirsisti sal-aħħar u ebda nifs ma jagħti ’l min qed jiġri miegħu jekk mhux biex jingannah u jġiegħlu jaqa’ lura.

Il-waqt tal-indeċiżi

Min qed jaħseb, fuq iż-żewġ naħat tal-iskjerament, li l-kampanja ta’ xi naħa jew oħra hija passiġġata jew li l-ġimagħtejn li fadal huma biss formalità żejda, qed jitqarraq bil-kbir. Attitudni bħal din hija tipika tat-telliefa u tal-boloh, li jintebħu bl-iżball kbir tagħhom meta jkun tard wisq u meta jkunu qed jilagħqu t-trab.

Min irid jirbaħ ma jistax ikollu attitudni bħal din. Irid jibqa’ jissielet sal-aħħar b’saħħtu kollha u bil-qawwa tiegħu kollha. Ħadd m’hu se jċedilu xejn. Ħadd m’hu se jħallih jagħmel rebħa ħafifa. Ħadd m’hu se jieħu l-iċken vantaġġ biex jgħaddi qabel jew biex jasal l-ewwel.

Il-kampanja issa qiegħda fi żmien meta l-indeċiżi jonqsu dejjem aktar. Għax jibdew jiddeċiedu. Dan hu ż-żmien, fis-saħna li qed tikkarga ruħa, meta d-dubji tagħhom tagħhom idubu. Dan hu ż-żmien, tant delikat, meta l-pendlu tagħhom jibda jistrieħ lejn naħa jew oħra. Min jaħseb li ’l dawn in-nies kisibhom għalih diġà, jagħmel l-iżball li jgħodd il-flieles qabel ma jfaqqsu.

L-agħar ġimagħtejn

Fadal ġimagħtejn oħra. Mhumiex ftit. F’kampanja elettorali, u waħda qasira u intensiva bħalma hi din, huma twal ħafna u ħafna. Fihom jista’ jiġri minn kollox. L-attenzjoni ma tistax taqa’ mqar b’farka waħda f’min irid ikanta vittorja. Huma ġimagħtejn kruċjali li fihom kull fibra trid taħdem ma’ oħra biex l-isforz ikun wieħed solidu, qawwi u ffukat.

Xejn f’dan il-waqt ma jista’ jitħalla għall-każwalità. L-aqwa ta’ kull tellieqa hija fl-aħħar waqtiet tagħha meta l-ġerrej juri kemm għandu l-ħila jġib flimkien il-forzi kollha tiegħu għal tir wieħed li jitlob mingħandu kollox jew xejn.

F’dan il-waqt trid issaltan il-kalma, il-moħħ ċar, il-konċentrazzjoni, iżda fuq kollox il-ħsieb li ħaddieħor, li qed itellaq kontrik, hu determinat daqsek, irid jirbaħ bħalek, u m’għandu ebda intenzjoni li jċedilek l-iċken millimetru tat-triq.

Għaldaqstant, kulmin qiegħed f’din it-tellieqa feroċi m’għandux ifittex mistrieħ jew iċedi għat-telqa’. Fuq kollox, m’għandu jagħmel xejn fatta, imma jsus ’il quddiem b’ruħu kollha bħallikieku kull ġerrej ieħor jinsab ma’ saqajh ras imb’ras miegħu.

Ir-rebħa mhijiex rebħa qabel tkun rebħa.


Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?