Il-kalma meħtieġa

Dawn huma żminijiet li jeħtieġu l-kalma. Faċli jisħnu l-irjus. Faċli n-nies jgħaġġlu. Faċli l-emozzjonijiet jisplodu. Iżda dak li jiġi faċli, għall-anqas fis-soċjetà Maltija lejlet elezzjoni ġenerali, ma jgħin xejn meta dik li hi meħtieġa hija r-raġuni. Il-mument jgħaddi. Li jibqa’ hu x-xogħol bieżel u għaqli.

Il-ferneżija tal-mument

Dan hu l-mument meta kulħadd se jgħid tiegħu. Jipprova jbigħ min jgħajjat l-aktar. L-arja timtela b’messaġġi konflinġenti u kontradittorji; bi ħsejjes igiddbu ’l xulxin; b’pika ta’ kliem u xejn anqas b’tgħajjir. Tisma’ mingħajr ma trid. Ukoll jekk tipprova tittarrax.

Kulħadd jipprova jimpressjonak; jiġbidlek l-attenzjoni; ikaxkrek miegħu. Għall-ewwel tibda tisma’ xi ħaġa. Imbagħad, meta jistorduk, tkompli tisma’ anqas u anqas. Meta fl-aħħar tispiċċa b’moħħ vojt li qisu laqtitu sajjetta: imtarrax u mnemnem.

Il-ferneżija tal-mument f’kampanja elettorali ma taħfirha lil ħadd. Għada jew pitgħada, waqt li s-saħna tiħrax, kulħadd jinqabad fiha. Iżda hu mument li ma jdumx wisq. M’għandux wisq sustanza. Iċaqlaq l-arja, imma l-arja tiqaflu u, fl-aħħar mill-aħħar, twarrbu u teħodlu postu. Huwa mument li jgħaddi bħalma għaddew ħafna oħrajn qablu u bħalm jgħaddu ħafna oħrajn warajh.

L-aħħar linja tal-kont

Filwaqt li l-mument jgħajjat qisu miġnun, il-ġejjieni jibqa’ sieket jistenna. Huwa l-ġejjieni li jgħodd. Is-sustanza għandu qiegħda. Jiġi mingħajr ma jisforza lilu nnifsu. Jirkibna mingħajr ma nsejħulu. Jiġi żgur u ma jiddawwarx. Il-kontijiet miegħu rridu nagħmluhom.

Biex nilqgħu għalih, biex nilqgħu l-ġejjieni, jeħtiġilna naħsbu b’rasna. Ma nħallux id-dagħdigħa tal-mument jnixxfilna d-demm li rridu naħsbu bih. Il-qalb għaġġiela teċita l-moħħ, imma ma tħalliehx jaħseb. Aħna għandna bżonn il-ħsieb, jeħtiġilna naħsbu, jaqblilna naħsbu għal meta l-ferneżija tal-mument tintemm u kollox jaqa’ f’postu.

Biex niġġudikaw dak il-mument fil-ġejjieni, huwa l-mument tal-imgħoddi li rridu nqisu. Għax min se jkun fir-ras u r-riedni għada, huwa fuq id-dmir li wettaq fl-imgħoddi, u mhux imgħoddi ’l bogħod, li rridu nqisuh. Żamm kelmtu? Għamel dak li wiegħed? Użah tajjeb iż-żmien? Radd dak li kellu jrodd? L-aħħar linja tal-kont fuq id-dħul u l-ħruġ ta’ qabel tinħadem. Fuqhom toqgħod tiġix ħamra jew ħadra.

Il-kalma meħtieġa

Meta tagħmel il-kontijiet teħtieġ il-kalma, ir-ras fuq għonqha, id-demm biered. Xi ftit jew wisq, insomma. Għax, fiċ-ċirkustanzi, dan mhuwiex se jkun possibbli għal kollox. Madanakollu, xorta waħda tibqa’ meħtieġa, u meħtieġa bil-wisq u bil-kbir, il-kalma.

Jeħtieġ nibqgħu lkoll nies razzjonali, jekk jista’ jkun. Għax ħafna huma dawk f’Malta u Għawdex li, meta jitkellmu fuq politika—u fuq reliġjon ukoll—ma jibqgħux jirraġunaw, isiru isteriċi u demmhom jibda jbaqbaq. Dan ma jixraq lil ħadd, l-aktar l-aktar ’l-elettorat li jrid jagħmel il-kontijiet miegħu nnifsu u mal-ġejjieni ta’ pajjiżu.

Fuq kollox, żgur li m’għandu jkun hemm—xejn, xejn, xejn—vjolenza min-naħa ta’ ħadd. U jekk xi ħadd jirrikorri għaliha, għax imġienen hawn kemm trid, hu d-dmir ta’ kull bniedem sensat li ma jirritaljax. Il-vjolenza dejjem għamlet aktar ħsara lil min jagħmilha milli lil min saret.

Tabilħaqq, dħalna għal żmien diffiċli, żmien ta’ prova, żmien in-nervoziżmu, iżda wkoll żmien li jitlob l-aktar kwalitajiet ċivili m’għand kulħadd. Huwa f’dan iż-żmien, speċjalment f’dan iż-żmien, li lkoll irridu nuru l-maturità politika u r-responsabbiltà ċivili tagħna.



 GĦALL-BEJGĦ MILL-ĦWIENET EWLENIN TAL-KOTBA
T  I  T  I  L  F  U  X  !

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?