Partitiżmi, wegħdiet u biżgħat oħra

Aktar ma l-folol jiskjeraw irwieħhom f’partiti tribali aktar jitbiegħdu mir-realtà. Wara biss ġimagħtejn ta’ kampanja elettorali intensa, it-trunċieri diġà tħaffru hekk fil-fond li, minn ġo fihom, wieħed jista’ jara anqas dak li hemm fil-madwar, mhux biss fil-bogħod, imma wkoll fil-qrib.

Għalkemm nisimgħu dwar prijoritajiet, dak li jingħad fil-mikrofoni diġà beda jsir hekk sempliċi—anzi, sempliċistiku—li kull sfumatura jew ħajra għal argumentazzjonijiet sensata qed tintefa dejjem aktar biex jibqa’ biss karikatura bħal dik li jħażżu t-tfal tan-nuna. Il-folol jitolbu mill-kelliema l-A, B, Ċ, u l-kelliema jagħtuhom preċiżament dak.

Kampanja elettorali ma tippermettix l-iċken sofistikazzjonijiet għax il-partitiżmu mhuwiex dwar x’naħsbu imma dwar li ma naħsbux. Għalhekk hija magħmula l-aktar minn slogans kważi inkomprensibbli, repetizzjonijiet kważi ipnotiċi u emozzjonijiet kważi paranojċi.

Il-maniġġjar tal-biżgħat

Fuq kollox, kampanja elettorali hi taħriġ fil-maniġġjar ta’ biżgħat mistura. Tal-biża’ mit-telfa. Tal-biża’ mir-raġun li jistgħu jkollhom tal-partit l-ieħor. Tal-biża’ li jista’ jinkixef wisq. Tal-biża’ li jistgħu jingħadu affarijiet żbaljati li jagħtu vantaġġ lill-oħrajn. Tal-biża’ li l-voti l-ġodda u l-voti indeċiżi se jmorru għand ħaddieħor. Qabel kollox, tal-biża’ li se nispiċċaw bla setgħa.

Dawn il-biżgħat m’huma xejn aktar minn uċuh differenti mill-biża’ tal-mewt. Il-mewt tar-riedni. Il-mewt li nibqgħu minn fuq. Il-mewt tal-aċċess għall-għejun tal-ġid. Il-mewt li jien nieħu r-raġun. Il-mewt li tal-partit l-ieħor jibqa’ sottomess.

Ix-xogħol ewlieni tal-politiku f’kampanja elettorali hija li l-wegħdiet tiegħu jnessu dawn il-biżgħat. Li jostor il-biża’ tal-mewt. Li jpinġi l-biżgħat bħala opportunitajiet. Li jwemmen lill-folol fl-immortalità tal-eżistenza. Li jwebbel lill-partitarji u ’l kulmin qed jagħti widen li hemm futur, u li l-futur hu marbut miegħu, u li m’hemmx futur mal-partit l-ieħor, li mal-partit l-ieħor hemm il-mewt.

L-addizzjoni tal-kampanja

Kampanja elettorali hi addittiva għax, bla ħadd ma jkun irid, iġġib il-pika tal-ġlied għar-rebħa ’l fuq mill-kooperazzjoni tal-ftehim għat-tmexxija. Fil-fatt, trikkeb ’il dik fuq din, tant li din tal-aħħar kważi kważi tisfuma fix-xejn. Il-kapaċità tibda trid tintwera fis-sengħa tal-gwerra mhux f’dik tat-tmexxija. Il-punt ta’ min għandu jmexxi jitlef il-post ewlieni tiegħu u jsir għal kollox sekondarju.

Għaldaqstant, minflok ma jitqiesu sewwa l-kwalitajiet meħtieġa għat-tmexxija għaqlija, jibdew jitqiesu biss il-potenzjalitajiet distruttivi tal-armi ballistiċi li jintużaw. Il-qalba tal-kampanja kollha ma tibqax aktar l-għażla ta’ min għandu jmexxi imma biss min se jkollu l-ħila jeqred lill-għadu u jirbaħlu.

Dan hu enormement addittiv għax jersaq ħafna lejn speċi ta’ diżordni mentali maħkum minn ħtieġa kompulsiva għal eċċitament li jġib gost momentarju li ma jqis ebda konsegwenza dannuża. F’kampanja elettorali bħal tagħna l-addizzjoni hi kollettiva, u dan iżid fil-perikolużità u l-prekarjetà tagħha.

Tgħib ir-realtà

Dan kollu, intenni, huwa mill-aktar imbiegħed mir-realtà. Għax kemm l-addizzjoni, kemm il-wegħdiet illusorji, kemm il-biżgħat mistura u kemm il-partitiżmi tribali m’għandhomx x’jaqsmu xejn ma governanza. Anzi, huma l-maqlub tagħha. Mhux biss il-karra jinġieb quddiem il-ħmar, imma saħansitra l-ħmar għotor xi mkien fit-triq.

Sakemm il-kampanja tintemm tliet ġimgħat oħra, ir-realtà tkun għabet għal kollox. Flokha jieħu postha il-ferq manikew tal-aħmar u l-blu. Xejn aktar. Li hu agħar hu li l-irrazzjonalità tal-biċċa xogħol kollha tkun tidher bħala l-aktar ħaġa razzjonali u sensata li tista’ teżisti. Il-vot, imbagħad, meta jiġi, ma jkunx dwar il-materjalità ta’ xi ħaġa imma biss dwar immaġinarju fantastiku li jippoża ta’ xi ħaġa konkreta.

Dan għaliex l-unika ħaġa essenzjali li tibqa’ f’moħħ il-folol hija min se jiċċelebra fl-4 ta’ Ġunju.


Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?