Ħut fil-baħar

L-aħħar ġimgħa ta’ kampanja elettorali qasira u intenza hija aktarx l-aktar waħda importanti. Min s’issa ma semgħax, jisma’ xi ftit. Min s’issa la kien l-hemm u lanqas l-hawn, ixaqleb. Min s’issa ma ried jaf b’xejn, jaħsibha darbtejn. Din hija l-ġimgħa kruċjali meta l-istorbju jeqliel. Kulmin nhar is-Sibt se jersaq lejn il-kaxxa tal-vot se jkun qed jixtri l-ħut fil-baħar. Il-kwistjoni kollha issa hija: min hu l-aħjar sajjied?

L-esperjenza li tgħodd

Kull elezzjoni ġenerali, f’pajjiżna daqskemm f’ta’ ħaddieħor, xi ftit jew wisq hija fuq il-ħut fil-baħar. Kull partit jagħmel il-wegħdiet tiegħu lill-elettorat, imbagħad hu għall-elettorat jemminhomx jew le. Hija kollha kwistjoni ta’ fiduċja f’min jagħmel il-wegħdiet, huwiex ta’ min jafdah bil-kelma li jagħti.

F’din l-elezzjoni ġenerali, il-wegħdiet qed isiru minn sajjied li għandu l-esperjenza u ieħor li m’għandux. Dan, waħdu waħdu, aktarx mhuwiex biżżejjed biex issir ġudizzju minnhom. Erba’ snin ilu wkoll kellna sajjied li ma kienx għad kellu l-esperjenza governattiva, għalkemm issa nafu xi jsarraf u nafu jekk dak li wegħidx iżommux.

Il-ħut li qed iwiegħed mhuwiex għal kollox fil-baħar, għall-anqas mhux kollu. Mingħandu nafu x’se nixtru għax xtrajna diġà. Il-wegħdiet tiegħu qed jagħmilhom fuq il-bażi tas-sengħa pprovata tiegħu li jagħmel dak li jgħid, u jgħid dak li se jagħmel.

Kumdità u kuntentizza

Il-ħut li qed jiġi mwiegħed lill-elettorat hu, fil-biċċa l-kbira tiegħu, marbut b’xi mod jew ieħor mal-ekonomija, jew, jekk trid, mal-flus. Jappellaw l-aktar għar-rieda tal-elettorat li jkollu aktar u aktar flus x’jonfoq fil-but, kemm għall-ħtiġijiet tiegħu kif ukoll għall-kapriċċi tiegħu. Fi kliem ieħor, huwa lill-istint tar-regħba, jekk inhu stint, li l-appell qed isir.

Dan minħabba li l-vija li ħadet dil-kampanja elettorali. Għalkemm jissemmew valuri oħrajn, bħall-edukazzjoni, is-saħħa, il-familja, ix-xogħol u l-bqija, dawn kollha jintrabtu mal-flus u mal-ħsieb li huma dawn, il-flus, li kapaċi jġibu l-kuntentizza lin-nies. Il-flus ma jagħmlu lil ħadd kuntent; jagħmluh komdu, imma mhux kuntent. Min jaf jekk xi darba jkunx hemm kampanja elettorali li tkun dwar il-kuntentizza tan-nies flok il-kumdità tagħhom?

Tassew, mhijiex l-ewwel darba li l-kumdità qed tingħata importanza aktar mill-aktarx jistħoqqilha. Is-soċjetà moderna tal-lum donha żżomm din, il-kumdità, bħala l-alla tagħha u lilu tfittex. Tinsa tista’ tgħid għal kollox li l-kuntentizza ma tiġix minn hemm, imma mill-valuri sħaħ u għaqlin tal-qalb u l-moħħ.

Min għamel il-ġid u ġab ir-risq

Mingħajr ma rridux, il-kampanja elettorali hi dwar il-ġejjieni qrib ta’ kull wieħed u waħda minna daqskemm ta’ pajjiżna. Hija dwar il-gvern li se jiġi magħżul għall-ħames snin li ġejjin. Jagħmel tajjeb kulħadd jekk iżomm il-ġid nazzjonali f’moħħu, u aktarx ogħla mill-interessi personali tiegħu, meta nhar is-sibt imur biex jitfa’ l-vot tiegħu.

Aħna sajjied ippruvat milli wieħed li mhux, l-aktar l-aktar meta dan tal-aħħar ma jidhirx li jista’ jrodd il-ħut fil-baħar li qed iwiegħed. Kulħadd jaf iwiegħed, imma mhux kulħadd kapaċi jrodd. Das-sajjied, billi jdoqq l-istess diska minn filgħodu sa filgħaxija kuljum, donnu nesa li hemm affarijiet li għada pitgħada jistgħu jitranġaw, imma oħrajn le, speċjalment jekk imissu l-ħajja tal-biċċa l-kbira tan-nies.

Spiss smajna f’din il-kampanja elettorali li l-għażla għandha tkun fuq prinċipji, imma fuq prinċipji smajna ftit li xejn, anki għax xi wħud jgħidu li dan żmienna m’għadux żmien il-prinċipji.

Tassew, il-prinċipji huma meħtieġa u importanti, imma l-politika ilha ħafna li tħarrket ’l hinn minn kull diskors dwarhom. Madanakollu, jekk hemm prinċipju li jibqa’ jgħodd fuq l-oħrajn huwa dan: twarrabx lil min għamillek il-ġid, u tagħtix bis-sieq lil min ġablek ir-risq.

Min għamel il-ġid u min ġab ir-risq nafu tajjeb ilkoll kemm aħna min hu.

http://www.bdlbooks.com/biographies-and-memoires/6320-jien-manwel-dimech-l-istorja-ta-hajti.html

Comments

  1. Prosit! Erba' kelmiet f'waqthom li ta' min jixtarr sew. Tislijiet.

    ReplyDelete
  2. Ara veru li min jitwieled tond ma jmutx kwadru.

    Li min tafu tmurx issaqsu ghalih.

    Bravu kemm int kattoliku tajjeb.

    Veru bniedem ta'ezempju.

    ReplyDelete
  3. Ara veru li min jitwieled tond ma jmutx kwadru.

    Li min tafu tmurx issaqsu ghalih.

    Bravu kemm int kattoliku tajjeb.

    Veru bniedem ta'ezempju.

    ReplyDelete

Post a Comment

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?