Jidhirli li għadda biżżejjed żmien mill-kampanja elettorali biex wieħed jikkummenta fuq l-organizzar u l-aġir tar-radju tal-Knisja Kattolika Maltija, l-RTK, fi żmien l-istess kampanja elettorali. Illum jew għada ridt nikkummenta fuq dan minħabba l-ħafna sentimenti li smajt m’għand in-nies u, biex ħadd ma jaħseb li d-dnub ta’ xi ħadd għandu jorqod.
’Il barra mill-partiġġjaniżmu
Ngħiduha mill-ewwel kif inhi, mingħajr tidwir mal-lewża: l-organizzar u l-aġir tal-RTK waqt il-kampanja elettorali li għaddiet ma kienet xejn anqas minn għarukaża sħiħa. Għarukaża u tal-mistħija l-organizzar tal-amministrazzjoni tal-RTK, u għarukaża u tal-mistħija l-aġir ġenerali tiegħu.
Dan jirriżulta mill-partiġġjaniżmu evidenti muri f’dan l-għodda pastorali tal-Knisja Kattolika Maltija, li ma kellu xejn pastorali, iżda kellu biss sfaċċaġni, arroganzi u insolenza. Jien m’iniex wieħed li nemmen li l-Knisja għandha tibqa’ ’l barra mill-politika, anki għax naħseb li dan fil-prattika ma jistax ikun, iżda ċertament nemmen li l-Knisja għandha tibqa’ ’l barra mill-politika partiġġjana.
Dan jgħodd kemm għall-ogħla amministraturi tal-Knisja, jiġifieri l-isqfijiet, kemm għall-ġerarkija tagħha, inkluż is-saċerdoti, kif ukoll għall-organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet li jirrappreżentawha, partikularment dawk li jwettqu l-atti uffiċjali tagħha, inkluż dawk liturġiċi.
Il-politika partiġġjana m’hijiex qasam tal-Knisja li hu kompatibbli mal-missjoni tagħha. Indħil u tbagħbis f’dan il-qasam iħammiġha, iċekkinha u, agħar minn kollox, jiddiskretitaha.
Għażla vergonjuża
Fl-imgħoddi, speċjalment fi żmien l-Arċisqof Gonzi, imma wkoll qabel, fi żmien Manwel Dimech u Ġeraldu Strickland, il-Knisja ħammret wiċċha bl-indħil tagħha fil-politika partiġġjana, u dan wassal għad-diżastru soċjali tagħha nnifisha, li llum qed inħossuh bl-għeruq u x-xniexel. Possibbli li minn dawn l-okkażjonijiet infamja, biex ma nsemmix oħrajn ukoll, il-Knisja ma tgħallmet xejn?
Ħafna nies ilmentaw miegħi bil-partiġġjaniżmu tal-għażla, apparentement mill-Arċisqof Scicluna nnifsu, tal-amministraturi tal-RTK eżatt fi żmien għall-kampanja elettorali. Ngħiduha bla tlaqliq, l-għażla kienet waħda aktarx maħsuba speċifikament biex taġevola lill-Partit Nazzjonalista u toskura lill-Partit Laburista.
Jekk inhu hekk, din hi vergonja li suppost il-Knisja ħalliet warajha snin ilu. Agħar u agħar minn hekk, iżda bħala konsegwenza ovvja, l-aġir kontinwu tal-RTK b’xandiriet partiġġjani tul il-kampanja elettorali kollha u anki wara, kien tal-mistħija u ta’ diżunur kbir għall-Knisja nnifisha.
Ebda intervent
L-istrateġija redikola li ntużat biex l-RTK ixandar il-partiġġjaniżmu pro-Nazzjonalista fi żmien hekk sensittiv ta’ kampanja juri l-immaturità politika grassa ta’ min wettaqha fil-prattika daqskemm ta’ min oriġinaha. Immaturità u puwerilità skandaluża.
Għall-informazzjoni pubblika ngħid li jien naf biċ-ċert li kien hemm diversi nies, inkluż diversi saċerdoti, li ilmentaw u pprotestaw mal-kurja tal-arċidjoċesi biex l-arċisqof jintervjenti u jrażżan dan il-partiġġjaniżmu infantili u diżgustanti. Iżda, mid-dehra, kien kollu ta’ xejn.
Inżid ngħid li, jekk jeżisti xi għaref li għadu jaħseb li, b’dan l-għarukaża ta’ atteġġjament tal-RTK, għamel xi opra brillanti jew xi servizz lill-Knisja, jista’ jibqa’ mija fil-mija ċert li m’għamilx għajr ħsara ma’ dak li diġà kien hemm, u għajb li se jkompli jirrendi din il-Knisja Maltija irrelevanti aktar milli diġà hi.
Niket
Dan l-atteġġjament ħoloq ħafna niket fija personalment u f’ħafna lajċi, reliġjużi u saċerdoti li jħobbu l-Knisja Kattolika, niket li jiġi, prinċipalment, mill-istinazzjoni tal-istess Knisja lokali li tibqa’ inkomprensibbilment tħaffer il-qabar tagħha stess.
Il-Knisja Kattolika Maltija għandha tant x’tagħti lis-soċjetà Maltija li mhuwiex partiġġjan jew settarju! Għandha missjoni pastorali tant importanti għall-poplu tagħna! Fuq kollox, il-poplu tagħna għandu tant u tant bżonn Knisja Kattolika li tirrifletti l-valuri sbieħ tal-Imgħallem tagħha!
Sunday, 25 June 2017
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
Top posts last 30 days
-
It-tfal se jilagħbu dejjem. Ġewwa, barra, waħidhom, m’oħrajn, fl-indafa, fil-ħmieġ, b’li jsibu, b’li jivvintaw ... it-tfal se jibqgħu tfal...
-
Artiklu 50 tat-Trattat ta’ Lisbona, it-trattat li jagħti l-bażi kostituzzjonali lill-Unjoni Ewropea, jagħti d-dritt lil kull pajjiż imsieħ...
-
The Most Holy Cross and, more specifically, the Crucifix, are a Christian’s most beautiful and noble symbol of the Faith. They depict, in ...

Top posts ever
-
X’għali għall-mewt għandi għat-tmiem inġust, godard u qarrieq ta’ Daphne Caruana Galizia! Kienet x’kienet il-fehma politika tagħha, kien x...
-
Huma ftit u rari l-Maltin li jkollhom joqogħdu qrib is-sodda ta’ xi ħadd li jkun rikoverat fl-isptar t’Għawdex. Bil-maqlub, huma ħafna akt...
-
Il-Knisja Kattolika f’Malta u Għawdex reġgħet qed tiskjera ruħha kontra l-minoranzi tas-soċjetà. Ma titgħallem qatt! Ibda mill-kwistjoni m...
-
F’dawn l-aħħar ġimgħat, min minna seta’ jinjora l-akkużi li baqgħu jsiru mingħajr rażan? Rajna l-oppożizzjoni tirkeb il-karru li rikbu l-p...
-
Pierre Ellul’s film, DEAR DOM (cinematography of Paul and John Preca Trapani) is presented as an open letter to Dom Mintoff; a letter, app...

No comments:
Post a Comment