Id-diversità ta’ pajjiż

Fost il-ħafna u ħafna kummentarji li kien hemm dan l-aħħar fuq il-kampanja elettorali, l-elezzjoni ġenerali u r-riżultati tal-votazzjonijiet, ftit li xejn kien hemm, għall-anqas minn dak li rajt jien, min impressjona ruħu wisq mid-diversità enormi li sar għandu l-poplu ta’ dawn il-gżejjer. Dan deher biċ-ċar fl-attivitajiet kemm tal-Partit Laburista u kemm tal-Partit Nazzjonalista.

Reżistenza għad-diversità

Id-diversità ta’ nies tista’ tkun fatt li, għalkemm ikun jeżisti fost poplu, ma jiġix magħruf biżżejjed. Ġieli jinħeba wkoll, bħallikieku kien xi tebgħa kerha fuq il-pajjiż. Meta ngħid diversità, inkun qed infisser l-aktar l-istati differenti ta’ ħajjet in-nies, l-oriġini etniċi tagħhom, l-għażliet politiċi li jkollhom u l-fehmiet diversifikati li jħaddnu.

Ilkoll nafu li għad hawn min donnu dan ma jridx jaċċettah, u jqis id-diversità, kif ukoll l-integrazzjoni, bħala dnubiet kbar. Saħansitra kien hemm il-ftit, fost dawk li kkontestaw l-elezzjoni, li wkoll parlaw pubblikament kontra dawn il-fenomeni, anki jekk il-ħanqa tagħhom ma telgħetx is-sema.

Id-diversità, speċjalment fuq l-iskala li għandna f’pajjiżna llum, hija fenomenu relattivament reċenti. Għalkemm hi evidenti f’ħafna oqsma tas-soċjetà, ma tidhirx li għadha qabdet fl-oqsma kollha. Anzi, għad għandna oqsma, speċjalment dawk magħluqa u konservattivi, li d-diversità ma ħallewhiex tmisshom. Dawn, għalkemm iridu aktar żmien biex jaċċettaw l-inevitabbli, ikollhom bħall-oqsma oħrajn jintmessu wkoll.

Minoranzi esklużi

Minkejja d-diversità hija aktarx evidenti bħala fenomenu f’diversi oqsma tal-ħajja soċjali, mhux daqstant hija l-firxa tagħha fil-livelli stratifikati tagħhom. Jidher li hemm diversità akbar fil-livelli li jiġu ’l isfel fl-iskala soċjali, u anqas u anqas aktar ma titla’ ’l fuq fl-iskala.

Dan irid jinbidel, u jinbidel żgur, għalkemm bil-mod. Ngħidu aħna, l-oriġini etnika tal-kandidati kollha li kkontestaw l-elezzjoni kienet omoġenja u fiha ma kienx hemm wisq diversità; anzi, xejn. Min jaf ħames snin oħra l-istampa tkunx diġà bdiet tinbidel? Naturalment, dan jista’ jingħad ukoll fuq il-kompożizzjoni tal-parlament u tal-kabinett.

Għalkemm il-partiti politika (tista’ tgħid kollha, kbar u żgħar) jitkellem ħafna dwar id-diversità, ma jidhirx, għall-anqas s’issa, li fi ħdanhom hemm wisq diversità ta’ ċertu tip. Ngħidu aħna, saru jafu jagħtu spazju lil persuni LGBTIQ, u anki lil persuni separati, divorzjati jew li jgħixu fi stat ta’ koabitazzoni, iżda mhux, imbagħad, lil persuni ta’ oriġini etnika Afrikana, Balkana, Ażjatika jew ukoll Ewropea. Dawn għadhom mhumiex rappreżentati, la fil-partiti u wisq anqas fil-parlament.

Sforz għad-diversità

Id-diversità, fil-firxa kemm orizzontali tagħha daqskemm f’dik vertikali, hija plier kruċjali ta’ soċjetà b’saħħitha. Aktar minn hekk, l-għarfien tagħha, kemm bħala fenomenu u kemm bħala fatt pożittiv, huwa essenzjali għal kull politika ta’ inklużjoni. Dan għandu jwassal għal miżuri prattiċi u effettivi biex id-diversità ssir parti mill-istrutturi operattivi tal-istituzzjonijiet, partikularment dawk ta’ dimensjoni nazzjonali.

Dawn l-istrutturi, mhux biss iridu jitkellmu għal ħaddieħor, imma, aktar minn hekk, iridu jinkludu lil ħaddieħor ħalli jitkellem għalih innifsu. Il-parteċipazzjoni trid tkun sħiħa, u għal dan huwa meħtieġ li jsir sforz speċjali għall-inklużjoni u l-integrazzjoni konkreta. Dan hu meħtieġ għax, għall-anqas il-partiti politiċi, għadhom mhumiex għal kollox rappreżentattivi tad-diversità soċjali li għandna.

Dan hu nuqqas strutturali serju li qed jaffettwa ħafna l-istituzzjonijiet amministrattivi, leġislattivi u ġudizzjarji ta’ pajjiżna. Id-diversità mhux biss irridu nippridkawha, imma aktar u aktar inħaddmuha, u għal dan irid isir sforz konxju, ippjanat u organizzattiv.


http://www.bdlbooks.com/biographies-and-memoires/6320-jien-manwel-dimech-l-istorja-ta-hajti.html

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?