Ambjent nadif?

Minkejja l-għajjat kontinwu għal ambjent nadif kemm mill-gvern u kemm mill-privat, jidhirli li huwa ċar biżżejjed li m’huwiex qed isir sforz biżżejjed biex jitnaqqas it-tniġġis b’mod ġenerali. Sforzi jsiru; dan huwa evidenti. Iżda mhux minn kulħadd, mhux dejjem u mhux kullimkien.

Tliet fatturi

Għandu mnejn li l-aktar tliet fatturi ewlenin li qed jikkontriwixxu pożittivament għal ambjent imniġġes fil-ħajja ta’ ħafna minna huma tlieta: id-dħaħen tal-karozzi, it-trabijiet tal-kostruzzjoni u r-rimi barra tan-nies. Ukoll waħedhom, dawn it-tliet fatturi diġà għandhom sehem imdaqqas mill-ħmieġ u t-tniġġis ġenerali ta’ bosta nħawi, aħseb u ara meta jiltaqgħu lkoll flimkien.

Wieħed m’għandux jinsa jsemmi f’dan il-kuntest il-ħidma qawwija li jagħmlu l-ħaddiema tal-kunsilli lokali għat-tindif tal-lokalitajiet tagħhom. Dan is-servizz importanti lill-komunitajiet tagħna huwa imprezzabbli għax, mingħajr trombi u fanfariji, jikkontribwixxi direttament għat-titjib tal-ħajja tagħna

Madanakollu, hemm fatturi li fl-istess ħin qed jikkontribwixxu wkoll direttament għat-tnaqqas tal-kwalità tal-ħajja tal-biċċa l-kbira tagħna.

Ibda biex, id-dħaħen tal-karozzi. Dawn id-dħaħen folti u valenużi ħafna drabi qed jagħmluha impossibbli li timxi barra t-triq mingħajr il-periklu li tifga. Jekk persuna tkun qed tistenna fuq stejġ għal tal-linja, jekk timxi fuq bankina jew imqar tixref ftit fuq l-għatba ta’ darha, nifsejha tiltaqa’ ma’ dħaħen qawwija ħierġa mill-magni tal-karozzi. Dawn xi kultant jagħmluha diffiċli li tieħu n-nifs.

Il-karozzi u l-kostruzzjoni

Xi wħud jaraw il-problema taż-żieda mingħajr rażan tal-karozzi fuq it-toroq tagħna bħala waħda ta’ ħin u spazju biss. Imma dawn jinkwetaw lil min għandu karozza u qed isuqha. U min m’għandux? Min jagħżel li juża t-trasport pubbliku? Min isuq ir-rota? Min jeħodha bil-mixi? Għal dawn, il-problema ewlenija huma l-gassijiet tossiċi li l-ħin kollu jibilgħu mingħajr ma jridu.

Mal-problema tal-għadd esaġerat ta’ karozzi fit-toroq f’kull ħin, hemm f’diversi lokalitajiet il-problema tal-kostruzzjoni. Hawnhekk ukoll, xi wħud jaraw dan l-għelt mill-perspettiva tal-ispazju jew tal-estetika. Madanakollu, għall-biċċa l-kbira tagħna l-problema jkollha x’taqsam aktar ma’ saħħitna. It-trab u t-tniġġis tal-arja li l-kostruzzjoni kontinwa qed joħolqu qegħdin jgħarrqu saħħitna.

Bla dubju, l-ispazju urban u rurali tagħna, inkluż l-aspett estetiku, għandu sehem importanti mis-saħħa psikoloġika tagħna lkoll. Iżda l-attività tal-kostruzzjoni li donnha f’xi nħawi ma taqta’ qatt u xejn, mhux anqas minħabba l-istorbju li toħloq daqskemm għall-ħmieġ, it-trabijiet u t-tniġġis li tiġġenera, m’hi qed tiġi kkontrollata jew limitata b’ebda mod. Ħafna drabi, il-kunsiderazzjoni sempliċiment ma ssirx.

Il-ħmieġ mormi barra

Il-fattur l-ieħor, il-ħmieġ li bosta nies fostna jixħtu barra bħallikieku t-toroq, il-bankini u l-wesgħat pubbiċi kienu landa taż-żibel, huwa skandaluż. Għax għandu mnejn xi ħadd kapaċi jgħid li l-karozzi u l-kostruzzjoni huma għeltijiet meħtieġa. Madanakollu, il-ħmieġ mormi barra min-nies żgur li m’huwiex meħtieġ. Huwa biss sinjal ta’ injoranza, maledukazzjoni u nuqqas ta’ sens ċiviku.

Għalkemm din il-problema taż-żibel tan-nies, mill-kbir saż-żgħir, mormi barra hija preżenti s-sena kollha, donnha tiżdied fis-sajf. Mhux biss għax in-nies toħroġ aktar, imma aktarx wkoll għax in-nies ikollhom aktar affarijiet żejda x’jarmu. Għalkemm il-landi taż-żibel jinsabu bla għadd kullimkien, bosta nies jagħżlu l-eħfef ħaġa u jarmu dak li ma jridux fl-art mingħajr l-iċken ħsieb ta’ xejn.

Dwar dan, jidhirli, għandu jkun hemm taħriġ ta’ edukazzjoni pubblika aktar serja min-naħa tal-kunsilli lokali u tal-gvern ċentrali. Dawn mhux biss għandhom jaraw li l-ħajja tagħna ma tibqax tiġi mgħarrqa dejjem u dejjem aktar bid-dħaħen tal-karozzi u t-trabijiet u l-istorbji tal-kostruzzjoni, iżda wkoll li jgħallmu li l-ambjent nadif aktarx huwa l-aktar ħtieġa urġenti, naturali u essenzjali tal-kwalità tajba ta’ ħajjitna lkoll.


https://maltaonlinebookshop.com/product/min-jghidu-n-nies-li-jien/

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?