Il-G20 u s-suq ħieles

Il-laqgħa għolja tal-G20 li saret f’Ħamburg, il-Ġermanja, ġimgħa ilu, fis-7 u t-8 li għadda, għandha mnejn ma tantx interessant lil ħafna minna. Ovvjament, Malta ma kinetx rappreżentata. Minkejja li dawn il-laqgħa spiss ma joħroġx wisq minnhom, xi kultant, bħal din id-darba, jista’ jkollhom affarijiet interessanti li jiddistingwuhom.

Żewġ okkażjonijiet

Il-laqgħa kienet biss għall-mexxejja tal-aqwa għoxrin ekonomiji tad-dinja (għadna ma wasalniex s’hemm!) u xi rappreżentanti ta’ banek ċentrali. Jekk xejn, din il-laqgħa partikulari se tibqa’ magħrufa minħabba li fiha ltaqgħu għall-ewwel darba wiċċ imb’wiċċ il-President tal-Istati Uniti tal-Amerika, Donald Trump, u l-President tar-Russja, Vladimir Putin.

Fil-jiem ta’ qabel il-laqgħa kien hemm żewġ okkażjonijiet oħra li taw xejra partikulari lil-laqgħa ta’ Ħamburg. Waħda kienet fl-1 ta’ Ġunju ta’ qabel, meta Trump ħabbar li kien se jirtira ’l pajjiżu mil-Ftehim ta’ Pariġi tal-2015 fuq it-tnaqqis tat-tniġġis tal-ambjent. Dan, skont il-ftehim, ma jistax iseħħ qabel l-2020. Sadattant, Trump suppost iħares il-ftehim bis-sħiħ.

L-okkażjoni l-oħra kienet il-laqgħa f’Moska fl-4 ta’ Lulju, tliet ijiem biss qabel il-laqgħa ta’ Ħamburg, bejn il-President Russu, Putin, u l-President taċ-Ċina, Xi Jinping, għal aktar qrubija bejn iż-żewġ pajjiżi ġiganteski.

L-ambjent u s-Sirja

Dawn iż-żewġ okkażjonijiet jindikaw ċertu ċaqliq fit-tiswir tal-influwenzi dinjija. Filwaqt li Trump jista’ jidher li qed jeżola lill-Amerika dejjem aktar (imsieħba mal-Gran Britannja), iċ-Ċina u r-Russja qed jersqu aktar lejn xulxin, u l-Unjoni Ewropea qed toħroġ bħala t-tielet forza ekonomika-politika tal-formazzjoni.

Il-laqgħa ta’ Ħamburg tat kas ta’ dawn il-bidliet li, għalkemm jistgħu jkunu għalissa ċkejkna, jista’ jkollhom sinifikat konsiderevoli fix-xhur u s-snin li ġejjin.

Il-protesti kbar, ukoll vjolenti, li saru madwar il-post tal-laqgħat tal-G20 kienu l-aktar fuq l-istat ekoloġiku u ambjentalistiku tad-dinja u l-impenn tal-pajjiżi l-kbar, speċjalment tal-Amerika, għall-ħarsien tiegħu. Dawn kienu protesti ammirevoli, mhux biss għax ġabru eluf ta’ nies, imma aktar u aktar għax għal darb’oħra wrew il-qawwa tal-azzjonijiet popolari biex jiġbu l-attenzjoni fuq kwestjonijiet jaħarqu imma dejjem minsija jew imwarrba.

Kwestjoni oħra kważi minsija jew imwarrba għal kollox kienet dik tal-gwerra tas-Sirja. Din il-kwestjoni hekk delikata u terribbli bil-kemm kemm issemmiet jew ingħatat l-importanza li jixirqilha fil-laqgħat tal-G20.

Il-bidu tat-tmiem?

Minbarra dan kollu, għandu mnejn li l-aktar ħaġa li se jkollha effett fit-tul minn din il-laqgħa kienet l-emfażi ġdida li għamlet l-istqarrija tal-aħħar, miftiehma bejn il-pajjiżi kollha li ħadu sehem, inkluż l-Amerika u r-Russja. Ibda biex, din l-istqarrija ma daqqitx is-solita diska tas-suq ħieles u l-liberalizzazzjoni tal-ekonomiji. Is-soltu, din id-diska tkun mistennija. Imma din id-darba ma kien hemm xejn minn dan.

Minflok, kien hemm xi ħaġa tal-għaġeb. L-istqarrija komuni tħeġġeġ lill-gvernijiet biex fit-trattati kummerċjali tagħhom jagħtu każ tal-ekonomiji ż-żgħar, speċjalment ta’ pajjiżi li jinsabu sotto-żviluppati jew fit-triq għall-iżvilupp.

Dan il-kliem mhuwiex fil-linja tan-neoliberaliżmu dikjarat tal-biċċa l-kbira tal-pajjiżi li ħadu sehem fil-G20. Mhuwiex kliem li wieħed jistenna f’dokument bħal ta’ Ħamburg jew li joħroġ minn laqgħa simili. Huwa kliem li donnu beda jdoqq diska ġdida.

Dan iwassalna biex ngħidu li, jista’ jkun, li hu kliem li qed jibda juri li l-‘honeymoon’ twil tan-neoliberaliżmu u l-kapitaliżmu, mibdi wara l-waqa’ tal-ħajt ta’ Berlin u tal-Unjoni Sovjetika, beda t-tmiem tiegħu.

Din għandha mnejn hi spekulazzjoni vojta. Imma jista’ jkun ukoll li wieħed għandu jaħseb fuqha u jara jekk dak li se jkompli jiġri fil-ġejjieni qrib jagħtihx raġun jew le.

Jalla li iva.

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?