Sunday, 30 July 2017

It-telqa tas-sajf

Xi wħud għamlu filosofija sħiħa mill-pessimiżmu. Dan is-sentiment, li dejjem iħares lejn l-agħar aspett tal-affarijiet jew jemmen li fil-ħajja jiġru, jew jistgħu jiġru, l-agħar affarijiet, aktarx jitnissel minn telqa psikoloġika u affettiva qawwija li jaħdem ir-ruħ minħabba esperjenzi xejn sbieħ li ġġarrab.

It-tfittxija

L-esperjenzi xejn sbieħ jiġru lil kulħadd. Għandu mnejn xi wħud jintlaqtu agħar minn ħaddieħor, u x-xorti tagħtihom fuq wiċċhom sa minn kmieni u xi kultant donnha ma titlaqhomx. Madankollu, l-esperjenzi weħedhom aktarx m’humiex biżżejjed biex iferu r-ruħ b’mod permanenti u jivvalenawha b’niket li qisu ma jehda qatt.

L-esperjenzi huma determinanti, bla dubju, iżda magħhom bniedem iżid ċertu telqa li ġġiegħlu jara lilu nnifsu, u saħansitra lill-ħajja kollha, dejjem bħala vittma ta’ ċirkustanzi, nies u avvenimenti li ħadd ma jista’ jevita. Minn hawn jiġi l-pessimiżmu li jonqos mill-fiduċja jew it-tama fil-ġejjieni.

F’xi waqt jew ieħor, kulħadd iġarrab l-inevitabbli u kulħadd isir vittma, iżda b’daqshekk ma jfissirx li kulħadd jintelaq biex dejjem jibki lilu nnifsu u xortih. Id-dinja kerha pesta li xi wħud jistħajlu li qed jaraw kullimkien madwarhom il-ħin kollu donnha tagħtihom raġun. Għax il-bniedem li jfittex il-kruha, kruha jsib; u bniedem li jobsor l-agħar, l-agħar jiġi fuqu.

Il-possibbiltà

Xi wħud imorru pass lil hinn mill-pessimiżmu biex jemmnu fin-niħiliżmu. Din il-kelma għandha għerq Latin, ‘nihil’, jiġifieri ‘xejn’. Il-bniedem niħilista jemmen li fid-dinja xejn m’għandu sens. Is-sens, tajjeb jew ħażin, jivvintah il-bniedem minn żniedu. Il-bniedem niħilista huwa dejjem xettiku, negattiv, ċiniku, pessimist u, fuq kollox, ma jemmen f’ebda Alla.

In-niħiliżmu huwa l-estrem tat-telqa tar-ruħ. Mhux biss f’ebda Alla ma jemmen, imma wkoll f’ebda bniedem u f’ebda possibbiltà li jista’ jkun hemm xi hena, xi ħajr, xi ġmiel, b’xi ħaġa li teżisti. Xejn, imqar l-iċken tjieba, ma jista’ jeżisti. Għalih, fil-fatt, ma jeżisti xejn li għandu jew jista’ jkollu sens fih innifsu. Kollox hu kif inhu, kollox, għax hekk fettillu jivvinta l-bniedem.

Din hi filosofija qawwija ferm li diffiċli tiġġildilha jew tiqfilha. L-oppost tagħha m’huwiex l-ottimiżmu. L-oppost tagħha hija l-possibbiltà li ntejbu l-affarijiet. L-ottimiżmu m’huwiex xieraq meta hu artifiċjali, u jista’ jkun saħansitra perikoluż. Madankollu, mhux hekk il-fiduċja u t-tama fil-ġejjieni, ukoll meta ffaċċjat mill-hemm tal-ħajja u l-ħżunija tal-bniedem.

It-tama

Il-fiduċja u t-tama fil-ġejjieni jiġi mir-rieda li ma nintelqux, li ma nirrassenjawx lilna nfusna għal dwejjaq paralizzanti, li ma noqogħdux il-ħin kollu nibku lilna nfusna. Din hi r-rieda li nagħmlu l-aħjar minn sitwazzjonijiet possibbilment diffiċli u saħansitra disperanti.

It-telqa li ġġib magħha s-sħana soffokanti tas-sajf għandu mnejn ifakkarna fit-telqa tar-ruħ li xi wħud iħaddnu l-jiem kollha tas-sena. Madankollu, ukoll is-sajf fih is-sabiħ tiegħu ... għal min irid jarah. Il-frott fl-għelieqi u fuq is-siġar, il-barka tal-baħar, is-seher tal-iljieli u elf miljun ħaġa oħra huma hemm biex igawdi l-ġmiel u l-hena tagħhom kulħadd ... jekk bniedem irid.

Jekk bniedem ma jridx, ma jara xejn u ma japprezza xejn. Igorr biss. Imaqdar biss. Jintelaq biss. Jara l-ikrah biss. Jibki biss.

Hemm tama f’dak kollu li bniedem ikollu, f’dak kollu li jagħmel u f’dak kollu li hu. Hemm tama dejjem sakemm hemm il-ħajja. It-tama hi l-aħħar li tmut. Biex taraha u tħossha teħtieġ biss ir-rieda u t-twemmin fil-ħiliet tagħna nfusna li nagħmlu dejjem l-aħjar ukoll mill-ikrah.

http://www.bdlbooks.com/poetry/4971-dimech-poeta.html

No comments:

Post a Comment

Top posts last 30 days

Top posts ever