Fejn sejjer Trump?

Il-ħajt ta’ Trump, dak li jrid jibni bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Messiku, twil aktar minn 3,200 kilometru (mal-2,000 mil), kważi kważi sar iċ-ċajta preferita tal-pajjiż. Aktar minn hekk, qed isir ukoll is-simbolu ġenerali tal-politika tal-president Amerikan, li xi wħud qed jarawha dejjem aktar iżolazzjonista. Dan jista’ jiġi kkonfermat mill-ewwel baġit li ppreżenta Trump ftit tal-ġimgħat ilu bl-isem “Bażi Ġdida għal Amerika Kbira”.

Amerika bla direzzjoni?

Il-baġit jidher li jagħmel xi proposti tajbin li jistgħu jitwettqu jew ma jitwettqux. Ngħidu aħna, jipproponi li ħafna tinfiq żejjed fuq skemi li taparsi jridu jnaqqsu l-faqar (mingħajr qatt ma jnaqqsuh) jitwaqqaf jew jonqos drastikament. Jipproponi wkoll skemi ġodda li jistgħu jgħinu lil nies fqar b’mod konkret. Ukoll, il-baġit jabbanduna ħafna mid-diskors politiku tas-soltu u jfittex li jesprimi l-fehma tal-poplu komuni.

Madankollu, fih proposti oħrajn li jistgħu jdarrsu. Ngħidu aħna, Trump irid li t-tinfiq fuq id-difiża jiżdied konsiderevolment. Irid li t-tinfiq għal attivitajiet militari straordinarji ’l hinn mill-Amerika jiżdied ukoll (b’77 biljun dollaru fis-sena). Il-baġit ftit jitkellem fuq it-tinfiq żejjed, esaġerat jew għalxejn tad-Dipartiment tad-Difiża. Trump irid ukoll li t-tinfiq għall-kontroll tal-immigranti jiżdied ukoll.

L-aqwa fost l-aqwa huwa l-ħlas għall-bini tal-famuż ħajt mal-Messiku. Dan se jiġi madwar 70 biljun biex jinbena u mal-150 miljun kull sena għall-manutenzjoni.

Il-kummentaturi politiċi, Amerikani u oħrajn, l-aktar li mħassbin huwa dwar id-direzzjoni ta’ fejn sejjer Trump b’dan kollu u bil-politika tiegħu. L-impressjoni ġenerali hija li m’hu sejjer imkien. Jidher li din l-‘Amerika Kbira’ ma fihiex wisq sustanza. Xi tfisser eżatt ħadd ma jaf. Għandu mnejn lanqas Trump innifsu.

Gwerra bierda ġdida?

Personalment, waħda mill-akbar diżappunti tiegħi ta’ Trump hija r-relazzjoni tiegħu mar-Russja. Ittamajt li Trump se jkollu l-ħila jirrestawra għall-anqas ftit mid-demm sħuħ li bħalissa hemm bejn iż-żewġ pajjiżi. Ħafna jiddependi fuq dan, mhux anqas il-paċi fid-dinja u s-sigurtà tagħna lkoll. Trump wiegħed ħafna fuq dan ... iżda qed irodd ftit.

Anzi, l-affarijiet dis-sena marru mill-ħażin għall-agħar. Il-laqgħat personali li Trump u Putin, il-president tar-Russja, kellhom aktar kmieni dax-xahar, ftit għamlu differenza, mid-dehra. Fil-ġimgħat ta’ wara, l-istess ostilità ta’ qabel reġgħet dehret bħallikieku ż-żewġ presidenti ma kienu ltaqgħu xejn.

Minn wara t-tmiem tal-Gwerra l-Bierda madwar ħamsa u għoxrin sena ilu, is-sitwazzjoni bejn l-Amerika u r-Russja qatt ma kienet mgħarrqa daqs kemm hi llum. Trump qajjem it-tama li, bil-mod tiegħu, kien se jsolvi xi ħaġa. Imma dik it-tama qed tisfuma dejjem u dejjem aktar. Anzi, flokha qed tikber il-biża’ li ż-żewġ pajjiżi jistgħu jaslu għal konfront militari ikrah.

Amerika li timplodi?

Ħadd ma jrid li l-Amerika tkun ‘żgħira’ daqskemm ħadd jrid li ebda pajjiż ma jkun żgħir. L-Amerika l-‘kbira’ ta’ Trump, iżda, mhux biss qed tfisser dejjem aktar iżolament ta’ dak il-pajjiż stupend, iżda wkoll, b’effett ikrah, konfużjoni fil-qasam internazzjonali. Ma naħsibx li xi ħadd f’sensih irid l-iżolament tal-Amerika. Bħalma naħseb ħadd ma jrid li nerġgħu nibdew b’xi gwerra bierda oħra jew xi ħaġa simili.

Trump ilu biss ftit xhur f’ras il-gvern tal-Istati Uniti, iżda l-proġettazzjonijiet li qed jinbnew m’humiex tant sbieħ. Jidher li dan il-perjodu fl-istorja Amerikana qed jinbidel bil-mod il-mod f’mument kritiku ħafna fejn id-direzzjoni ġenerali ta’ fejn miexja l-politika ta’ dak il-pajjiż tant sinifikanti u relevanti għall-paċi u s-sigurtà tad-dinja kollha qiegħda titħawwad.

Dan ma jistax ikun tajjeb għal ħadd. B’Amerika li timplodi, titlef id-dinja kollha.

(Il-karikatura tal-Istatwa tal-Libertà magħluqa b’ħajt hija ta’ Lalo Alcaraz, 2016).


https://www.amazon.com/Pietru-Caxaru-u-l-Kantilena-Tieghu/dp/9995748312

Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?