It-talent naturali

Is-sajf hu wieħed mill-aktar żminijiet xierqa biex jintwera t-talent tal-persuni. Imma meta ngħid hekk, aktarx mill-ewwel bniedem jaħseb f’performazzjonijiet artistiċi li jittellgħu għal ħaddieħor wara xhur u snin ta’ taħriġ. Dak li hu diffiċli li jsir mill-ħafna jidher hekk ħafif għal xi wħud. Dan mhux neċessarjament talent. Huwa taħriġ. Huwa sengħa. It-talent awtentiku juri l-ħila.

Naturali

Id-differenza bejn is-sengħa u l-ħila xi wħud jarawha żejda jew ukoll mistħajla. Għalihom huma l-istess ħaġa. Jien narahom differenti u d-differenza ta’ bejniethom hija waħda essenzjali. Għax is-sengħa tiksibha bit-tagħlim, filwaqt li l-ħila titwieled biha. Kull min għandu l-ħila għal xi ħaġa jista’ jikseb ukoll is-sengħa tagħha, imma kull min għandu s-sengħa ta’ xi ħaġa mhux neċessarjment għandu l-ħila tagħha.

Is-sengħa tista’ tissimula ħafna. Bniedem jista’ jitgħallem biex jagħmel ħafna affarijiet straordinarji. Bħall-pappagalli li jitkellmu, ngħidu aħna, jew xi annimal ieħor li tgħallem jagħmel il-bużullotti. Dawn jidhru li għandhom il-ħila mingħajr m’għandhom. Kisbu s-sengħa li jagħmlu xi ħaġa, u dan ikun ammirevoli, imma ħila m’għandhomx.

Il-ħila titwieled miegħek. Maż-żmien tista’ tikseb is-sengħa li tħaddimha. Dan isir bit-tagħlim u t-taħriġ fit-tul. U jista’ jkun ukoll li, minħabba nuqqas ta’ opportunità għat-tagħlim, tibqa’ ma titgħallimx is-sengħa tagħha. F’dan il-każ, il-ħila tibqa’ moħbija u mitlufa.

It-tagħlim

Kull bniedem għandu l-ħila li jgħix ħajtu kuntent. Imma kemm hawn min din il-ħila sabiħa ma ssibx it-tagħlim u t-taħriġ xieraq biex titħaddem u tintwera fil-prattika. Kemm hawn nies li ma jsibux l-opportunitajiet xierqa għalihom biex jitgħallmu jħaddmu u jgawdu din il-ħila meraviljuża u b’hekk tibqagħlhom moħbija u mejta. U mhux biss din il-ħila, imma oħrajn ukoll, mhux anqas meraviljużi.

Meta ngħid tagħlim, ma nifhimx biss l-iskola formali. Nifhem ukoll l-ambjent li fih bniedem jikber, ibda mill-familja. Għal ħafna l-familja, jew aħjar, il-ġenituri u l-qraba, issibhom aktar ta’ tfixkil milli ta’ għajnuna. Flok jgħinu lit-tfal u ż-żagħżagħ jitgħallmu jħaddmu l-ħiliet naturali tagħhom, ifixkluhomlhom u jmewtuhomlhom, u jħallulhom il-ħiliet tagħhom fi stat nieqes mill-iżvilupp u t-tkabbir.

Għalkemm l-iskola formali u t-tagħlim formali huwa ta’ importanza bla qies, l-ambjent familjari, l-ewwel ambjent li niltaqgħu miegħu f’ħajjitna, huma fundamentali. Mingħajru l-ħiliet jibqgħu talenti bla siwi, għax ma jiġux imħaddma. Ikunu ħiliet mingħajr sengħa.

Kull bniedem

Agħar minn hekk, ambjent familjari ħażin jew dannuż jista’ saħansitra jagħmel il-ħsara. Mhux biss ma jkabbarx, imma saħansitra jkisser. Mhux biss ma jgħinx biex il-ħiliet jiġu mħarrġa u mħaddma, imma saħansitra—diżgrazzjatament—jagħmluha impossibbli jew diffiċli ħafna li l-ħiliet xi darba jiltaqgħu mas-sengħa biex jikbru, jintwerew fil-beraħ u jitħaddmu.

Kulħadd, intenni, għandu l-ħila li jgħix kuntent. Imma kemm hawn li din il-ħila jaħsbu li m’għandhomx, u jgħixu ħajjithom imdejqa, mgħaffġa u mkidda. X’ħasra din meta l-ħiliet ta’ persuna, flok isibu lil min jgħinhom, isibu lil min ifixkilhom u jxekkilhom.

Sbieħ is-snajja artistiċi li donnhom fis-sajf narawhom murija aktar minn żminijiet oħra tas-sena. Imma l-akbar u l-isbaħ ħila li għandu l-bniedem mhumiex dawn, sbieħ kemm huma sbieħ. L-isbaħ ħila hija li jgħix kuntent. Kull bniedem għandu jkollu l-opportunità li din il-ħila jiżviluppaha bis-sengħa. Kull bniedem għandu jkollu jsib lil min jgħinu f’dan.

Soċjetà, familji, qraba li jeqirdu l-ħiliet mhumiex denji ta’ isimhom.


Comments

Popular posts from this blog

Il-GB tibqa’ ġewwa

Fearing secularisation

Min irid il-paċi?